Internazzjonali

Il-gwerra bejn Iżrael u l-Iran: Lejn riperkussjonijiet ekonomiċi koroh għad-dinja

L-ispinta fl-ostilitjaiet bejn Iżrael u l-Iran (bl-intervent tal-Istati Uniti) anki qed tipperikola l-kummerċ globali u meta l-Unjoni Ewropea qed tħeġġeġ lill-Iranjani biex ma jagħlqux rotta importanti – l-hekk-imsejjaħ Strait of Hormuz – li tintuża għat-trasport ta’ aktar minn 20 fil-mija taż-żejt u l-gass lejn il-kontinenti tad-dinja.

Dan waqt li l-Istati Uniti talbet liċ-Ċina (alleata ta’ Tehran) biex tipperswadi lir-reġim Iranjan iħalli miftuh din ir-rotta kruċjali għall-bastimenti kummerċjali.

Kaja Kallas, li hi responsabbli mill-Affarijiet Barranin u l-politika tas-Sigurtà tal-UE, qalet li kwalunkwe għeluq tar-rotta ma jagħmel ġid lil ħadd, fi żmien meta d-dinja qed tinkwieta dwar l-effetti ta’ ritaljazzjoni min-naħa tal-Iran.

Intant, mifhum li l-aħħar deċiżjoni dwar jekk jingħalaqx is-Strait of Hormuz għandha tittieħed mill-Kunsill Ewlieni tas-Sigurtà Nazzjonali f’Tehran  u fost rapporti li dan il-pass għandu diġà l-appoġġ tal-Parlament Iranjan.

Iċ-Ċina wkoll tinsab inkwetata bis-sitwazzjoni u qed tappella biex il-komunità internazzjonali tistinka aktar biex tevita ‘aktar riperkussjonijiet’ mill-ġlied bejn l-Iran u Iżrael għall-ekonomija globali. …Sitwazzjoni li qed tħalli wkoll impatt negattiv ħafna għall-iżvilupp ekonomiku.

Intant, il-kelliema f’Beijing fakkru wkoll fl-importanza tal-Golf Persjan u l-ibħra tal-madwar bħala rotot għall-kummerċ internazzjonali.