Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod kif Robert Abela u sħabu jbiddlu r-regoli tal-Parlament skont kif jaqblilhom flok jaħdmu favur in-nies
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bil-qawwa kollha t-tentattiv tal-Gvern Laburista biex jibdel il-Kostituzzjoni ta’ Malta billi jgħawweġ ir-regoli kif jaqbillu u mingħajr ebda konsultazzjoni mal-poplu. Dan meta qabad u bidel ir-regoli tal-Parlament biex juża maġġoranza sempliċi ħalli jagħmel tibdil fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna meta kulħadd jaf li biex dan isir jeħtieġ il-vot ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.
Fi stqarrija mix-Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem Carm Mifsud Bonnici u x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina, il-PN qal li minkejja t-tgħawwiġ tar-regoli, il-maġġoranza assoluta tal-klawsoli tal-abbozz ta’ liġi li ppreżenta l-Gvern ma ġewx approvati mill-Parlament għaliex ma kellhomx favur tagħhom il-vot taż-żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra. Kienu biss ftit klawsoli fl-abbozz ta’ liġi, li bit-tgħawwiġ tar-regoli li wettaq il-Gvern, spiċċaw jgħaddu mill-Parlament bil-vot tal-maġġoranza sempliċi minflok bil-vot taż-żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra kif trid il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
Il-vot li ttieħed illum fil-Parlament huwa insult għall-prinċipji demokratiċi bażiċi u att ta’ arroganza istituzzjonali bla precedent minn Robert Abela u l-Gvern tiegħu. Il-Kostituzzjoni hija l-ogħla liġi ta’ pajjiżna u tappartjeni lill-poplu Malti kollu, mhux lill-Gvern ta’ Robert Abela.
L-Oppożizzjoni hija favur li ssir riforma sħiħa tal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, mhux bil-biċċiet, u temmen li kwalunkwe tibdil fil-Kostituzzjoni għandu jsir biss wara proċess miftuħ, trasparenti u inklużiv bil-parteċipazzjoni sħiħa mhux biss tal-partiti politiċi iżda tas-soċjetà ċivili kollha, kif ukoll taċ-ċittadini b’mod individwali. Dan il-proċess għandu jitmexxa mill-President ta’ Malta bis-sehem tal-membri tal-Kumitat għar-Riforma Kostituzzjonali.
Żgur li ma għandhom isiru l-ebda manuvri proċedurali li jdgħajfu r-rwol tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Imma l-Gvern mhux biss baqa’ għaddej b’dan l-abbozz ta’ liġi meta jaf li m’hemmx qbil mill-Oppożizzjoni, imma saħanistra biddel il-proċedura tal-Parlament biex iqis bħala li ġew approvati klawsoli minn dan l-abbozz b’maġġoranza sempliċi meta huwa ċar li dawn il-klawsoli kienu jeħtieġu l-vot ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra.
L-Oppożizzjoni tagħmilha ċara li qed tqis il-klawsoli kollha li jiffurmaw parti mill-Abbozz ta’ Liġi Numru 134 bħala li skont l-Artikolu 66 tal-Kostituzzjoni jeħtieġ li jkollu favur tiegħu l-voti ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Parlament fil-votazzjoni finali dwaru.
Dan l-att hu theddida diretta għas-saltna tad-dritt f’pajjiżna, u qed joħloq preċedent perikoluż fejn il-Gvern jista’ jqum filgħodu u jbiddel liġijiet fundamentali għall-konvenjenza politika tiegħu stess.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jitlob riforma tal-Kostituzzjoni iżda dawn il-manuvri maħmuġa tal-Gvern għandhom għan wieħed biss – li jagħtu poter suprem lill-Gvern li jbiddel kull liġi kif irid u kif taqbel lilu biss. L-interess tal-poplu mhux fuq l-agenda tal-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna t-tfixkil li qed jorkestra l-Gvern fi process daqstant delikat u meħtieġ tar-riforma tal-Kostituzzjoni u ma jista’ qatt japprova dan il-proċess illegittimu u li jmur kontra kull prinċipju demokratiku. Għaldaqstant, il-membri kollha tal-Oppożizzjoni vvutaw kontra f’kull votazzjoni li saret illejla fil-Parlament f’dan l-istadju tat-Tielet Qari, u se jibqgħu jiddefendu l-integrità tal-Kostituzzjoni u d-drittijiet taċ-ċittadini Maltin.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-poplu biex jifhem is-serjetà ta’ dak li qed iseħħ. Dan mhux biss argument politiku. Din hi kwistjoni ta’ prinċipju bażiku tad-demokrazija li dan il-Gvern qed inawwar biċċa biċċa.
Meta Kostituzzjoni tibda tiġi mnawra b’dan il-mod, id-drittijiet taċ-ċittadini jibdew jitnaqqru ftit ftit. Il-Kostituzzjoni mhijiex proprjetà tal-Gvern imma hija għodda li għandha tħares lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ fuq quddiem nett biex jipproteġiha.
//= $special ?>