Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola appellat għall-paċi u t-tnaqqis fl-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni wara l-aħħar żviluppi li seħħew fl-aħħar siegħat fil-Lvant Nofsani. Waqt żjara uffiċjali fl-Emirati Għarab Magħquda, il-President Metsola indirizzat lill-Kunsill Nazzjonali Federali f’Abu Dhabi. Id-dettalji:
F’Abu Dhabi, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ddikjarat li dak li qed taffaċċja d-dinja b’dak li qed jiġri bejn l-Iżrael u l-Iran f’dawn l-aħħar jiem, u l-effetti potenzjali tiegħu, huwa test għalina lkoll. Roberta Metsola qalet li d-dinja tifhem li l-Iran qatt m’għandu jkollu bomba nukleari. Qalet li din hija theddida għar-reġjun, u għad-dinja, hekk kif appellat biex ikun hemm tnaqqis fit-tensjonijiet. Hija sejħet lill-mexxejja politiċi biex jużaw kull sforz diplomatiku biex jaslu għal dan.
Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li dak li se jagħmel ir-reġim fl-Iran, se jiddetermina l-futur tiegħu. Kompliet li dan hu l-mument li fih tintagħżel it-triq għall-paċi. Hija rrimarkat li l-paċi ma tistax tinkiseb b’mod iżolat, u żiedet li teħtieġ fiduċja, kooperazzjoni, u r-responsabbiltà ta’ kulħadd.
Il-President Metsola qalet li ftit kienu ż-żminijiet meta d-dinja ħassitha daqshekk imprevedibbli, b’referenza għal dak li qed jiġri f’Gaża, f’Iżrael u l-Jemen, fil-Baħar l-Aħmar, fl-Ukrajna, u fl-Iran. Metsola qalet li l-impenn ewlieni għandu jkun biex ikun żgurat li n-nies ikunu siguri.
Il-President tenniet li l-Unjoni Ewropea hija impenjata għall-paċi, u qed tinsisti għal waqfien mill-ġlied f’Gaża u biex l-għajnuna umanitarja tilħaq lil dawk li tant għandhom bżonnha biex tintemm it-tbatija.
Bħala l-ewwel President tal-Parlament Ewropew li indirizzat l-Kunsill Federali tal-Emirati Għarab Magħquda, il-President Metsola qalet li s-sħubija bejn l-UE u l-UAE qatt ma kienet daqshekk importanti, u nnotat li b’rieda tajba, dan jista’ jittieħed saħansitra aktar ’il quddiem.
//= $special ?>