Il-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, ċaħdet it-talba ta’ Han Bin (ritratt) u Jia Liu li allegaw li ġew iġġudikati darbtejn fuq l-istess fatti, bi ksur tal-prinċipju magħruf legalment bħala ne bis in idem.
Il-każ oriġina minn żewġ proċeduri kriminali li nġiebu kontra l-atturi bħala diretturi tal-kumpanija Leisure Clothing Limited. Fl-2016, Han Bin u Jia Liu ammettew li naqsu milli jippreżentaw dokumentazzjoni mitluba minn investigaturi u ġew immultati €250 kull wieħed.
Madanakollu, ftit snin wara ġew mixlija f’kawża oħra li kienet tinkludi akkużi ta’ traffikar ta’ persuni, approprjazzjoni indebita, u reati oħra serji, fosthom ukoll akkuża simili dwar in-nuqqas ta’ dokumentazzjoni relatata mal-istess perjodu ta’ żmien.
Fl-2023, il-Qorti tal-Appell Kriminali sabithom ħatja tal-akkużi kollha u kkundannathom sitt snin ħabs kull wieħed. Huwa biss wara din is-sentenza li Han Bin u Jia Liu fetħu kawża kostituzzjonali u sostnew li kienu qed jiġu pproċessati darbtejn għall-istess fatti.
L-Ewwel Qorti kienet diġà ċaħdet it-talba tagħhom, billi rrelevat li huma kienu komplew il-proċess kriminali mingħajr qatt ma ressqu l-eċċezzjoni ta’ ne bis in idem fiż-żmien opportun, anke fl-istadju tal-appell kriminali.
Il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat din il-pożizzjoni, u enfasizzat li l-akkużati kellhom iħarsu lejn ir-rimedji ordinarji disponibbli fiż-żmien opportun u li kienu huma stess li ma għamlux dan. Il-Qorti qalet li tali nuqqas jillimita d-dritt li jiftħu kawża kostituzzjonali aktar tard, peress li ma jistax iservi bħala mezz biex wieħed jevita konsegwenzi ta’ sentenza kriminali li diġà daħlet fis-seħħ.
Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-ilment ġie mqajjem biss wara li kienu diġà qed iservu l-piena ta’ priġunerija u kkunsidrat dan bħala tentattiv biex jiskansaw is-sentenza u mhux bħala argument ġenwin dwar ksur tad-drittijiet fundamentali.
Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti. It-talba ta’ Han Bin u Jia Liu biex is-sentenza kriminali tiġi mħassra u biex jitħallew ħielsa ġiet miċħuda.
Il-każ ikompli juri kemm huwa essenzjali li l-eċċezzjonijiet ta’ natura legali jiġu mqajma fiż-żmien opportun u li l-proċeduri kostituzzjonali ma għandhomx jintużaw bħala mezz ta’ salvataġġ wara li jiġu eżawriti l-proċessi kriminali.
//= $special ?>