Lokali

Imut l-Eks Prim Imħallef Noel Arrigo fl-età ta’ 75 sena

It-Tnejn filgħodu tħabbret il-mewt tal-Eks Prim Imħallef Noel Arrigo li miet il-Ħadd li għadda fl-età ta’ 75 sena.

Noel Arrigo kien ilu lettur fl-Università ta’ Malta mill-1976, kien serva wkoll bħala President tal-Kamra tal-Avukati kif ukoll serva bħala Chairman tal-fergħa Maltija tal-Istitut tad-Diretturi. Imbagħad, fl-2002 kien inħatar Prim Imħallef.

Iżda ftit ġimgħat biss wara li nħatar Prim Imħallef kien ġie żvelat skandlu ta’ tixħim flimkien ma’ żewġ Imħallfin oħra. Infatti, kaġun ta’ dan l-iskandlu kien irriżenja minn din il-pożizzjoni fl-istess sena biex imbagħad fl-2009 kien instab ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih.

L-iskandlu tat-tixħim kien deskritt bħala l-aktar ġranet suwed fl-istorja ġudizzjarja ta’ pajjiżna hekk kif kien akkużat li aċċetta somma ta’ €11,650 sabiex inaqqas sentenza ta’ priġunerija għal traffikant tad-droga kif ukoll jiżvela dettalji kunfidenzjali. Din is-sentenza kienet niżlet għal 12-il sena ħabs minn 16-il sena.

Wara l-ġuri b’rabta ma’ din il-każ huwa ġie kkundannat sentejn u disa’ xhur ħabs f’Novembru tal-2009.