Il-qawwiet ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, wettqu mewġa ġdida ta’ attakki speċifiċi fuq diversi siti importanti fl-Iran…U bħala mira prinċipali kien hemm mill-ġdid il-faċilità nukeari ewlenija ta’ Fordow li, qabel, kienet ġarrbet l-impatt tal-bombi mitfugħin mill-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti.
Fl-istess ħin, u waqt li l-Iran iddikjara sitwazzjoni ta’ gwerra uffiċjali, ħerġin il-kummenti pjuttost konfliġġenti mill-Gvern ta’ Washington.
Dan meta, fuq naħa, il-President Amerikan Donald Trump qajjem il-possibbiltà li jinbidel ir-reġim li ilu jmexxi lill-Iran għal kważi ħamsin sena u waqt li Viċi-President Amerikan JD Vance u s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, qed isostnu li pajjiżhom qed imexxi l-azzjonijiet ‘biss’ kontra l-proġetti nukleari tal-Iran u mhux kontra l-pajjiż innifsu.
Madankollu, is-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Lvant Nofsani qed tirrifletti kriżi storika li diffiċli tonqos matul il-ġimgħat li ġejjin.
U għalkemm mhux magħruf eżatt il-livell tal-ħsarat fis-siti nukleari tal-Iran wara l-attakki mill-B 2 Stealth bombers tal-Istati Uniti, il-President Trump kompla jinsisti li dawn il-faċilitajiet ġarrbu l-ħsarat ‘monumentali’ b’riżultat l-azzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa.
Fl-istess ħin, l-International Atomic Energy Agency (IAEA) bħala l-osservatur ewlieni tal-attività nukleari madwar id-dinja, qed issejjaħ għal waqfien mill-ġlied biex tkun tista’ tibgħat l-ispetturi b’mandat biex jevalwaw il-ħsarat fil-faċilitajiet ta’ Fordow, Natanz u Isfahan.
Rafael Grossi, bħala l-Kap tal-IAEA, ukoll jemmen li l-bombi tat-tip bunker busting li l-ajruplani tal-Istati Uniti waddbu fuq is-sit ta’ Fordow ikkaġunaw ‘ħsarat ferm sinifikanti’ lit-tagħmir (taħt l-art) ta’ din il-faċilità għall-irraffinar tal-uranju li kapaċi jkun inkorporat fl-armamenti għall-qerda tal-massa.
Din il-faċilità tinsab fil-fond tal-art u tifforma parti minn zona dominata bil-muntanji — u meta huma biss dawn it-tipi ta’ bombi sofistikati li kapaċi jeqirduha.
L-Iżraeljani, min-naħa tagħhom, komplew jattakkaw it-rotot li jwasslu għall-faċilità ta’ Fordow li tinsab fil-provinċja ta’ Qom lejn in-nofsinar ta’ Tehran….Attakki li jidhru li żiedu mal-effetti tar-rejds tal-qawwiet tal-ajru Amerikani.
Il-Ministru tad-Difiża, Israel Katz, qal, intant, li l-qawwiet tiegħu ‘issa u fil-jiem li ġejjin’, se jkomplu jattakkaw l-aktar siti sensittivi tar-reġim Iżlamiku u speċjalment liċ-ċentri ta’ kmand tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Ayatollah Iranjan Ali Khamenei, Fil-mira wkoll hemm qawwiet tas-sigurtà oħrajn bir-responsabbiltà li jħarsu l-istabbilità tar-reġim fundamentalista.
Il-Ministru Katz ikkonferma wkoll li l-qawwiet Iżraeljani attakkaw il-kumpless tal-ħabs ta’ Evin, f’Tehran…Kumpless fejn qed jinżammu l-priġunieri politiċi u avversarji tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Min-naħa tagħhom – u waqt li l-Iżraeljani kienu qed jattakkaw lis-siti tal-Gwardja Repubblikana – l-Iranjani qalu li s-sitwazzjoni fil-ħabs inkwistjoni kienet għadha taħt kontroll.
L-eskalazzjoni fil-gwerra ta’ Iżrael mal-Iran wasslet ukoll għal spinta fl-impenji diplomatiċi u fejn il-pajjiżi tad-dinja qed iħeġġu biex dawn l-avversarji jnaqqsu mill-qilla tal-konfront.
Sadanittant, ir-Russja, għall-ewwel darba – u bħala alleata tal-Iran – ikkundannat l-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa mill-qawwiet tal-Istati Uniti fuq is-siti tal-Iranjani. Dan meta l-President Russu, Vladimir Putin iltaqa’, f’Moska, mal-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Abbad Araghchi.
Putin qal li pajjiżu se jagħmel minn kollox biex jgħin lill-poplu Iranjan waqt li tenna l-aħħar aggressjoni fuq l-Iran bl-ebda mod ma kienet ġustifikata. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Araghchi informa lil Putin li l-Iran, fil-preżent, qed jiddefendi l-interessi tiegħu b’mod leġittimu waqt li rringrazzja lil Moska talli kkundannat l-azzjonijiet tal-Istati Uniti.
//= $special ?>