Lokali Temp

It-temperatura se tlaħħaq il-35 grad fil-ġimgħa tal-Imnarja

Il-ġimgħa tal-Imnarja se tkun immarkata minn temperaturi għoljin, hekk kif matul din il-ġimgħa t-temperatura se tlaħħaq il-35 grad celcius.

Għalkemm is-sajf beda b’mod uffiċjali s-Sibt li għadda, il-gżejjer Maltin kienu ilhom ġranet igawdu minn temp mill-isbaħ bi ftit riħ. U issa l-Uffiċċju Meterjoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed juri li din il-ġimgħa se jkollna ġranet sħaħ b’xemx tiżreġ.

Infatti, matul din il-ġimgħa l-ogħla temperatura se tlaħħaq il-35 grad celcius però meta tkun barra it-temperatura tkun ferm ogħla – bir-raġġi tax-xemx ikunu ħafna aktar perikolużi. L-Indiċi UV ukoll se jkun għoli, hekk kif il-Ħamis u l-Gimgħa se jimmarka fil-livell ta’ 11.

U allura, hekk kif bħalissa ħafna Maltin iqattgħu ġranet fejn il-baħar huwa importanti li wieħed jagħmel il-krema protettiva kull meta meħtieġ dan apparti li fejn ikun possibbli wieħed jevita li joħroġ fl-agħar ħin tax-xemx li huwa bejn il-11:00 ta’ filgħodu u l-4:00 ta’ waranofsinhar.

Madankollu jista’ jkun il-każ li s-sħana ma tkunx kiefra għal kollox għaliex il-forza tar-riħ għal din il-ġimgħa se tkun bejn 2 u 3.

Minn naħa l-oħra t-temperatura matul il-lejl se tinżel għal 23 grad celcius.

Intant, hekk kif għadna fil-bidu tal-istaġun sajfi dejjem hemm iċ-ċans li t-temperatura tkompli tiżdied fil-ġimgħat li ġejjin u allura huwa importanti li wieħed jieħu l-prekawzjonijiet kollha fosthom il-krema protettiva, li tixrob l-ilma frekwenti u li tevita x-xemx fl-agħar ħinijiet.