Internazzjonali

L-Iran jirritalja… Attakki mmirati għall-qawwiet Amerikani fil-Qatar u l-Iraq

Kollox qed jindika li l-Iran wettaq l-attakki fuq bażi tal-ajru tal-qawwiet Amerikani fil-Qatar u meta ftit tal-minuti ilu nstemgħu l-isplużjonijiet fl-inħawi ta’ Doha. Kien hemm anki splużjonijiet simili fl-Iraq fejn l-Amerikani għandhom ukoll preżenza militari qawwija.

Dan wara li kienu indikati t-theddid ‘kredibbli’ ta’ reazzjoni (mill-Iran) għall-attakki li l-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti kienu wettqu, nhar il-Ħadd, fuq il-faċilitajiet Iranjani għall-produzzjoni tal-materjal nukleari.

Il-Qatar, intant, għalaq l-ispazju tal-ajru tiegħu u meta ċ-ċittadini Amerikani u Britanniċi f’dan il-pajjiż tal-Golf qed ikunu mħeġġa biex isibu l-kenn mill-aktar fis.

L-isplużjonijiet seħħew ukoll waqt li l-President Amerikan Donald Trump kien qed jattendi  laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali f’Washington. Laqgħa li indirizzat il-potenzjal tat-theddida għal ritaljazzjoni mill-Iran fil-konfront tal-Istati Uniti.

Jidher ukoll li l-bażijiet tal-Amerikani  fil-Qatar u l-Iraq spiċċaw mira għall-missili sparati mill-Gwardja Rivoluzzjonarja fl-Iran – bil-Qatar, issa, jagħlaq l-ispazju tal-ajru tiegħu bir-riżultat li l-ajruplani ma jistgħux  jinżlu fl-ajruport ta’ Doha li hu fost l-aktar terminals attivi fid-dinja.

Għalissa ma ħarġet l-ebda informazzjoni dwar il-vittmi potenzjali tal-attakki min-naħa tal-Iran.