Il-Ministeru Ukren għall-Intern ikkonferma l-imwiet ta’ aktar minn għaxar ċivili wara li l-qawwiet tar-Russja attakkaw ir-reġjun ta’ Kiev bil-missili u d-drones….Attakki li baqgħu konsistenti fil-lejl tal-Ħadd u anki dalgħodu — u fejn irriżultaw ukoll kwantità ta’ midruba.
Il-Ministru għall-Intern, Ihor Klymenko, qal li r-Russi mill-ġdid ma diskriminawx fl-attakki tagħhom u fejn immiraw għal ħafna zoni residenzjali, minbarra l-isptarijiet u l-faċilitajiet sportivi fiz-zoni tal-kapitali Ukrena.
Il-parti kbira taċ-ċivili li tilfu ħajjithom kienu residenti f’kumpless tal-appartamenti li ntlaqat direttament mid-drones tar-Russi.
Dan waqt li s-Sindku ta’ Kiev – l-eks champion tad-dinja tal-boxing, Vitali Klitschko – ikkonferma li talanqas 40 sfaw midruba b’konsegwenzi tar-rejds mill-ajru.
Il-qawwiet tal-ajru Ukreni qalu li fl-aħħar baraxx fuq Kiev kienu sparati viċin it-350 drone flimkien ma’ għexieren tal-missili, inkluż tat-tip Iskander..
Fil-fatt, l-attakki tar-Russi fuq iz-zoni tal-kapitali Ukrena ilhom il-ġimgħat jintensifikaw u meta l-qawwiet tal-Kremlin , fil-preżent, qed jibgħatu mewġa wara l-oħra ta’ drones u missili bil-ħsieb li jegħlbu u jippenetraw id-difiżi tal-Ukreni għal kontra l-attakki mill-ajru.
L-attakki tal-massa, fil-fatt, huma parti minn tattika militari tal-Kremlin li l-Ukreni qed isibuha diffiċli biex jikkontrollawha.
Dan meta dejjem aktar eluf ta’ residenti fi Kiev qed ikunu sfurzati biex, minn ħin għal ħin, ifittxu l-kenn fix-xelters tal-kapitali …Dan meta r-reġjun madwar il-kapitali kważi kuljum qed jitriegħed mill-ispluħjonijiet tal-missili u drones li qed jisparaw ir-Russi.
L-aħħar rapporti qalu wkoll li numru żgħir ta’ Ukreni nqatlu jew indarbu waqt attakk bid-drones fuq kumpless ta’ sptar fil-belt ta’ Bila Tserkva, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna.
Sadanittant, il-qawwiet Ukreni huma determinati biex isibu metodi ta’ ritaljazzjoni aktar effettivi, bil-Kap Kmandant, Oleksandr Syrsky, jimpenja ruħu għal spinta fl-attakki tal-Ukreni fuq l-ibliet tar-Russja….Dan ukoll meta l-Ukrajna qed tiżviluppa kwantità ta’ attack drones li qed ikunu effettivi ħafna għall-azzjonijiet fuq l-interessi tal-Kremlin.
Il-Gvern Ukren lanqas mhu beħsiebu li jiddefendi ruħu biss fiċ-ċirkustanzi għaliex dan ifisser li l-Ukrajna bilfors li tispiċċa titlef aktar nies u territorji mingħajr l-ebda gwadann notevoli.
Sadanittant, staġnaw l-isforzi diplomatiċi lejn it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna li ilha għal aktar minn tlett snin…. L-aħħar taħditiet diretti bejn ir-Rappreżentanti tal-Istati avversarji kienu ntemmu, kważi tlett ġimgħat ilu, mingħajr l-ebda ftehim sinifikanti u fejn l-uniku qbil kien jirrigwarda biss l-iskambju tal-priġunieri.
Fl-istess ħin, ma jidhirx li, għalissa, hemm xi taħditiet ġodda skedati bejn l-Ukrajna u r-Russja.
//= $special ?>