Zaylen huwa t-tifel ta’ 6 snin li sfortunatament tilef ħajtu wara li waqa’ f’pixxina f’residenza privata fin-Naxxar.
Kienu bosta persuni li wasslu messaġġi ta’ solidarjetà mal-familja wara li ħarġet din l-aħbar. F’post fuq il-midja soċjali z-zija ta’ Zaylen qalet li għadha ma tistax temmen li seħħet din it-traġedja, dan filwaqt li esprimiet li l-bambin ried fjura mill-isbaħ u għażel lil dan it-tifel.
Fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija l-Ħadd filgħaxija ntqal li Zaylen tilef ħajtu wara li nstab mitluf minn sensih f’pool privata fiz-zona ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5.30pm.
Jirriżulta li t-tifel kien ma’ xi qraba f’għelieqi li għandom fl-inħawi, u f’ħin minnhom ma deherx aktar. Kif indunaw b’hekk, huma marru jfittxuh u minnufih infurmaw lill-Pulizija.
Diversi sezzjonijiet tal-Pulizija bdew it-tfittxijiet fiz-zona tal-madwar. Ftit wara, bl-użu ta’ drone tal-Pulizija, it-tifel deher f’pool ta’ residenza oħra mitluf minn sensih.
It-tifel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, iżda tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.
//= $special ?>