mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Housing Affordabbli,
il-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Pensjonijiet
Waqt serata sajfija tipika Maltija – proprju lejliet il-ftuħ uffiċjali tal-istaġun tas-sajf, it-tim tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo organizza s-serata ‘Premju Formidabbli’ li issa saret appuntament fiss fil-kalendarju ta’ attivitajiet organizzati minn dan id-Deputat.
Nhar il-Ġimgħa filgħaxija tħabbru wkoll l-ismijiet ta’ dawk is-sitt persuni b’xi impediment li iżda ma qatgħux qalbhom u komplew għaddejjin b’ħidmiethom sempliċiment biex ikunu mhux biss altruwisti, iżda ta’ għajnuna għal dawk madwarhom fis-soċjetà Maltija.
Imma x’inhu l-Premju Formidabbli?
Premju Formidabbli hu rikonoxximent lil dawk il-persuni li, minkejja l-isfidi fiżiċi jew sfidi ta’ saħħa mentali, xorta jagħtu sehem fil-komunità.
Kull min kien interessat seta’ jimla’ formula u jindika persuna għal dan il-Premju Formidabbli u l-istedina kienet tħeġġeġ lin-nies biex jipparteċipaw u jieħu sehem b’entużjażmu.
Ingħad fl-istedina mal-ftuħ tan-nominazzjonijiet biex jekk dak li jkun jaf b’xi ħadd u jħoss li jistħoqqlu dan il-Premju għall-impenn u l-ħidma tiegħu, allura jimla’ din il-formola.
Il-Premju jirrikonoxxi lil dawk li b’passjoni u dedikazzjoni jħallu impatt pożittiv fis-soċjetà tagħna u tajjeb li nkomplu nsaħħu l-ispirtu ta’ ġustizzja soċjali u ngħinu lil dawk li verament għamlu u qed jagħmlu d-differenza.
Is-serata nżammet fis-Sea Bank Hotel, fil-Mellieħa nhar il-Ġimgħa li għadda, bi preżentazzjoni ta’ Melvic Zammit.
Diskors ta’ Merħba mid-Deputat Laburista Katya Degiovanni li hi ċ-Chairperson tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali, u mid-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea li hi x-Shadow Minister għall-Inklużjoni Soċjali u l-Volontarjat.
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Ivan Bartolo semma’ li fost l-għanjiet ta’ din l-attività, hemm dik biex lil sezzjoni mis-soċjetà tagħna, nuruha pubblikament li hi Champion, u li rridu nwasslulek messaġġ biex temmen fik.
Fuq vapur li kien qed jegħreq, salvaw anzjani biss. L-istorja tgħid li dawn l-anzjani kienu emmnu fihom infushom, żammew it-tama ħajja. Ħaddieħor ippretenda li dawk li huma iżgħar fl-età, kienu se jifilħu aktar, imma ma kienx il-każ.
Jekk tħossok qed tegħreq żomm it-tama u emmen li se jirnexxielek.
Sar appell ukoll lil pubbliku li jista’ jagħmel ħafna wkoll. Kulħadd jista’ jkun aktar sensittiv lejn il-ħtiġijiet ta’ dawk li l-aktar vulnerabbli.
Ċert li nafu b’xi ħadd li jgħix waħdu u jew għaddej minn sfidi. Telefonata jew viżta żgur li tkun aktar minn biżżejjed. Kulħadd jista’ jkun ikun aktar sensittiv għall-bżonnijiet ta’ ħaddieħor u t-tama tibqa’ ħajja. Aktar ma nkunu magħqudin, aktar jirnexxilna nirbħu l-isfidi li naffaċċjaw f’ħajjitna. Kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu.
Fi tmiem is-serata kienu ppreżentati wkoll tliet donazzjonijiet, lil Caritas Malta, Hospice Malta u YMCA.
Minuta silenzju
Għal din is-serata kien mistieden ukoll il-kantant Ramirez Sciberras, sinonimu mal-kanzunetta ‘Stilla Ċkejkna’ u li biha rrappreżenta lil pajjiżna fil-Junior Eurovision tas-sena li għaddiet. Il-kanzunetta li permezz tagħha, irnexxielu jsaħħar lil dawk kollha preżenti.
Fil-bidu tas-serata saret minuta silenzju għal Alfred Difesa. Alfred ħalla din id-dinja fl-24 ta’ Jannar li għadda fl-għomor ta’ 75 sena.
Bosta huma tal-fehma, li f’mumenti iebsa u ta’ sfida f’ħajjithom, sabu lil Alfred jiggwidhom. Bħal-lum sena kien mument ta’ ferħ għal Alfred meta ngħata dan il-’Premju Formidabbli’, u għalhekk il-Ġimgħa filgħaxija saritlu tislima li tixraqlu.
Dak li sar nhar il-Ġimgħa huwa forma ta’ gratitudni, dik li nagħrfu lil ħaddieħor huwa importanti għalina, li fid-dinja llum naqset xi ftit.
B’mod speċjali persuna b’diżabbilta li minkejja l-impediment fil-ħajja tiegħu jew tagħha, jagħmlu ħilithom biex jibnu soċjetà aħjar.
L-iskop jibqa’ dejjem il-gratitudni, li hi rigal tal-qalb, dik li tgħaqqad lill-bnedmin flimkien.
Il-gratitudni tressaq lill-bnedmin ħdejn xulxin. Kulħadd importanti u ħadd m’għandu jkun imwarrab. Imma donnu f’dinja mgħaġġla, ftit huma dawk li jaqraw l-imħuħ.
Għalhekk importanti immens li nuru l-gratitudni tagħna lejn ħaddieħor. Ħajjithom u l-preżenza tagħhom hija importanti ħafna fis-soċjetà.
Is-serata ta’ nhar il-Ġimgħa kienet serata ta’ festa, spazju fejn jirrendi s-soċjetà maltija f’waħda inklussiva. Kulħadd għandu dritt jilħaq il-potenzjal sħiħ fl-aspetti kollha tal-ħajja u kulħadd għandu dritt igawdi kwalita ta’ ħajja għolja.
F’din is-serata twasslu diversi messaġġi diretti lill-udjenza preżenti, u anki lil dawk it-telespettaturi li se jsegwu din is-serata minn fuq Net TV, nhar l-Erbgha 25 ta’ Ġunju.
Quddiemna għandna impenn kontinwu – li nkomplu naħdmu biex nibnu l-mentalità, nisfidaw l-ostakli u noħolqu soċjetà fejn aħna lkoll verament ngħixu fl-aħjar tagħna possibbli.
Kull kisba, anki jekk żgħira, kull daqsxejn indipendenza jqanqal fina lkoll sens ta’ ewforija. Għax aħna soċjetà inklussiva u l-missjoni tagħna hi li f’dan is-settur nibqgħu ntejbu inizjattivi u miżuri, anki jekk il-progress f’das settur baqa’ għaddej b’ ritmu tajjeb tul is-snin minn kull Gvern.
Madanakollu rridu nibqgħu naħdmu għal kulħadd u rridu nibqgħu nagħmlu aktar u aktar u aktar, speċjalment li tiġi evitata kull forma ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta.
Din is-serata hi waħda mill-ftit inizjattivi tat-tim Ivan Bartolo. It-tim poġġa din l-attività fil-kalendarju annwali tiegħu. Serata mingħajr preċedent, ta’ enerġija, spinta u tiġdid.
Din hija serata li tħalli frott li jibqa’ u li tittrasforma l-ħajja tar-rebbieħa u turihom li l-gżejjer Maltin, bihom u mingħajrhom le, mhux xorta.
Il-messaġġ wara din l-attività ‘Premju Formidabbli’ jgħodd għal kulħadd, b’mod partikolari għal dawk il-bnedmin li ma jġorrux slaleb kbar f’ħajjithom, u r-rebbieħa tal-Ġimgħa filgħaxija, għandhom ikunu mera għal ħajjitna.
Il-Premjijiet ġew preżentati mill-Viċi Kap tal-Partit Nazjonalista Alex Perici Calascione, fejn fil-kelmtejn tiegħu faħħar lis-sitt rebbieħa.
Kompla li: “Wara kull wiċċ hemm storja, u għalhekk filwaqt mas-sitt rebbieħa hemm oħrajn hemm barra li qed f’ħajjithom qed jagħmlu l-istess impenn, tajjeb li jekk nafu bihom nagħmlulhom il-kuraġġ, nuruhom li ndunajna bl-impenn u r-rikkezzi tagħhom. Xogħolna hu li nesponuhom pubblikament.
“Fil-pubbliku ma nurux biss l-ikrah. Għax kemm hi iebsa li f’soċjetà suppost progressiva, nisimgħu biss l-aħbarijiet negattivi, bl-istejjer tal-Qorti jieħdu headlines.
“Kemm hi iebsa li niftaħru b’soċjetà inklussiva, meta fil-verità ma nafux bir-rikkezzi li hawn madwarna,” temm il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione.

Anatole Baldacchino
Huwa riċerkatur u attivist għad-drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà. Irriċerka fuq il-mediċina Thalidomide li kienet tingħata lil nisa tqal. Kien il-vuċi tal-vittmi tat-Thalidomide.
L-attiviżmu tiegħu fis-suġġett ikkontribwixxa biex il-Gvern jikkumpensa lil 25 vittma tat-Thalidomide li għadhom ħajjin u li qed isofru xi forma ta’ diżabbiltà. Attiv f’attivitajiet marbuta ma’ Ġustizzja Soċjali u kontributur fi proġett soċjali li se jitħabbar fi fttit ġimgħat oħra.

Adrian Casha
Eks referee tal-FIFA u delegat tal-logħbiet tal-UEFA kif ukoll Viċi President tal-MFA. Daħal fi Step UP for Parkinson erba’ snin ilu, peress li ħakkmitu din il-kundizzjoni. Ifittex li jtejjeb b’kull mod il-ħidma f’din l-NGO permezz tal-midja.
Jispira persuni oħra biex ma jaqtgħux qalbhom bil-ġlieda kontra din il-kundizzjoni. Spiss jgħid li: “Jien għandi l-Parkinson, imma l-Parkinson m’għandhiex lili.”

Tony Cachia
Iħobb l-arti, l-aktar għal qalbu l-watercolours. Tella’ tliet wirjiet. Wieħed mill-passatempi tiegħu – Jagħmel baubles biex jagħtihom lil dawk li jagħtuh appoġġ! Jagħmel waħda kuljum! Passatemp ieħor – Jagħmel il-presepji.
Jagħmel xogħol volontarju fl-Arkivju l-Qadim tal-Isla. Il-ġurnata jibdiha bit-talb għal dawk li għandhom il-kanċer, u jagħlaq il-jum jitlob għal dawk li jieħdu ħsieb lil pazjenti tal-kanċer u jissapportjawhom. Ftit tax-xhur ilu flimkien ma’ oħrajn ħoloq l-Malta Male Cancer Sapport Association.

Mary Jane Cutajar
Minkejja l-isfidi tal-ħajja, tagħti servizz bħala receptionist fil-Millenium Chapel. Dejjem lesta, tisma’ u tgħin lil kull min iħabbat il-bieb, bla ebda ġudizzju.
Tinvolvi wkoll ruħha fil-komunità tal-Ibraġġ. Fetħet il-bieb tagħha u żammet magħha għal xhur immigranta li nqabdet f’sitwazzjoni diffiċli. Ma ħallietx id-diżabbiltà tagħha tkissirha, imma minflok dawret ħajjitha b’impenn sħiħ lejn is-soċjetà!

Erika Ferrante
Taħdem fil-qasam taż-żgħażagħ li jħossuhom weħidhom u jsibuha diffiċli jsibu ħbieb. Waqqfet għaqda bl-isem ta’ Eri Ferry Cinematic Universe li toffri spazju għal dawk l-adoloxxenti u żgħażagħ, li qegħdin fuq l-ispektrum tal-awtiżmu u l-ADHD.
Indirizzat l-Assemblea waqt l-Euroscola Day fil-Parlament Ewropew. Fuq instagram ħolqot page jisimha Cooking with Eri Ferry fejn ittella’ posts tat-tisjir. Klassifikata fir-raba’ post f’kompetizzjoni tal-kant. Għandha dsatax-il sena.

Nicole Muscat
Simpatika, ġenwina, twajba u tajba. Fi tfulitha kienet involuta f’diversi proġetti bħal the Prince’s trust u Digital Art Competition. Fl-2019 rebħet il-Young Reporters for the environmental National Award. Leader fil-Malta Girl Guides.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 22 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>