Lokali

Sit biex kull tesserat jiċċekja jekk hux eleġibbli jivvota

Hekk kif il-Ħadd filgħodu ngħata bidu uffiċjali għall-proċess li se jwassal għal ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, ġiet imnedija website sabiex wieħed ikun jista’ jsib l-informazzjoni kollha meħtieġa b’rabta ma’ dan il-proċess.

Fuq din il-paġna, wieħed jista’ jara l-proċess komplut f’kull eventwalità – u allura, f’każ li jkun hemm kandidat wieħed jew inkella aktar minn tnejn.

Il-proċess jinkludi wkoll il-perijodu definit għal kull stadju, bil-għan li wieħed ikollu stampa ċara ta’ kif se jimxu l-affarijiet pass pass.

Apparti minn hekk, permezz ta’ dan is-sit wieħed jista’ jikkonferma jekk hux eliġibbli li jivvota fl-elezzjoni li se twassal għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Dan filwaqt li tista’ tara x’tista’ tagħmel biex tivvota, jekk dejjem tkun tikkwalifika.

Intant, il-proċess jinsab fl-istadju fejn dawk interessati jistgħu jitfgħu l-espressjoni ta’ interess – fażi li tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ħadd li ġej.