Lokali

Traffiku wieqaf u kaos sħiħ fiz-zona tal-Mellieħa

Kaos sħiħ, traffiku wieqaf. Kastig biex nidħlu u noħorġu mir-raħal tagħna.

Kienet din is-sitwazzjoni tat-traffiku fil-Mellieħa, dan il-weekend. Dan hekk kif Triq l-Imġarr tinsab magħluqa hekk kif bħalissa qed tinqala’, u b’hekk fit-toroq alternattivi qed jinġema’ ammont kbir ta’ traffiku. Dawn ix-xogħlijiet bdew lura fit-3 ta’ Frar.

Bil-possibiltà li dan ix-xogħol fadallu madwar ġimagħtejn oħra biex jitlesta… ġimagħtejn oħra ta’ inkonvenjenza, ħela ta’ ħin u riżorsi.  Bix-xogħol f’din it-triq qed iwassal ukoll għal traffiku f’Kennedy Grove, u bl-aċċess għall-Mellieħa u l-Manikata kważi paralizzat.

Is-sitwazzjoni tant hija gravi li l-ambulanzi mhux ikollhom minn fejn jgħaddu u jagħtu s-servizz tant essenzjali lil familji. Bir-residenti jinsistu li dan huwa dritt mhux talba.

Residenti li tkellmu ma’ Net News, spjegaw kif f’35 minuta tilħaq tasal minn Malta sa Sqallija; imma ma tasalx il-Manikata u l-Mellieha mill-Imġarr. Dan filwaqt li spjegaw kif l-anzjani tal-Manikata spiċċaw f’lockdown ieħor kollu għax ma hemmx pjani fit-tul.

Is-Sindku ta’ din il-lokalità, Gabriel Micallef, qed jitlob soluzzjonijiet immedjata, hekk kif l-entitajiet konċernati jafu sew bil-kaos li nħoloq.

Sitwazzjoni li qed taffettwa wkoll lil numru ta’ turisti li jkunu jridu jmorru lejn il-bajjiet tal-madwar.