Matul dan is-sajf, it-telespettaturi ta’ Net Television se jaraw żewġ uċuħ li se jingħaqdu flimkien għall-ewwel darba fuq dan l-istazzjon – żewġ personalitajiet li se jkunu magħna bi programm li għandu mhux biss laqta sajfija, iżda fuq kollox togħma lokali.
Dan il-programm se jkun qed jieħu lit-telespettaturi fi vjaġġ mill-qalba tar-raħal, għal qabża fil-baħar. Mill-karattru tal-pjazza, għal ikliet man-nies. Minn dak li jiġri max-xatt, għall-karattri uniċi li nsibu f’kull lokalità.
Il-programm se jkun qed jixxandar kull nhar ta’ Erbgħa filgħaxija fuq Net TV, u se jkun qed jitfa’ lenti fuq dak kollu li jagħmilna Maltin. Dan apparti li jiftaħ tieqa fuq l-arkitettura, il-binjiet fil-qalba tar-raħal, it-tradizzjonijiet, u l-apprezzament lejn dak kollu li jsawwarna bħala poplu.
L-Erbgħa f’nofsinhar, dan is-sit se jkun qed jiżvela l-ismijiet ta’ dawn iż-żewġ preżentaturi.
Intant, Net TV se jkollu aktar produzzjonijiet ġodda għal dan is-sajf. Dan apparti li se jkun qed isaħħaħ it-tim ta’ Net FM b’aktar djs u preżentaturi – inkluż ilħna żgħażagħ li se jkomplu jżewqu l-istazzjon tar-radju.
