Futbol Sport

Żieda ta’ aktar akkwisti ġodda minn Floriana

Aktar akkwisti ta' plejers ġodda minn Floriana
Aktar akkwisti ta' plejers ġodda minn Floriana

L-iskwadra li fl-istaġun il-ġdid se jkollha lil Daniel Portela bħala l-kowċ il-ġdid tagħhom, Floriana qed ikomplu jħabbru aktar ismijiet ta’ plejers ġodda hekk kif il-greens diġa’ bdew bit-taħriġ tagħhom bi preparazzjoni għall-impenji tagħhom fil-UEFA Ewropa Conference League.

Floriana qed ikunu attivi mhux ftit u fl-aħħar jiem, żiedu żewġ akkwisti oħra ta’ żewġ plejers barranin f’żewġ rwoli differenti minn ta’ xulxin. B’hekk l-ammont sħiħ ta’ plejers ġodda li diġa’ tħabbru minn Floriana f’din il-kampanja akkwisti issa tela’ għal sitta u minn sorsi viċin il-klabb tal-greens, dan l-ammont se jkompli jiżdied.

Id-difensur ċentrali ta’ 31 sena, Lucas López se jkun qed jilgħab it-tieni staġun tiegħu f’Malta wara li bħal, dan iż-żmien sena hu kien iffirma għall-ewwel darba ma’ klabb Malti, meta kien inġieb f’Malta minn Marsaxlokk.

L-eks plejer ta’ diversi klabbs, primarjament dawk fl-Amerika t’Isfel, għandu esperjenza vasta f’livell ta’ futbol superjuri għal dak Malti, tant li fost l-oħrajn hu lagħab ‘il fuq minn 20 partita fil-Primera Nacional, li jiġi t-tieni livell ta’ futbol fl-Arġentina.

Matul l-istaġun li għadda, Lucas López lagħab 29 partita fi kwalunkwé kompetizzjoni ma’ Marsaxlokk, u skorja erba’ darbiet.

Lucas Lopez, fost l-oħrajn, se jkun qed ikompli ssaħħaħ id-dipartiment difensiv ta’ Floriana, wara li aktar kmieni dan ix-xahar, l-iskwadra taħt il-Presidenza ta’ Johann Said diġa’ akkwistat lil Iago Mendonça, difensur Brażiljan li se jkun qed jilgħab għall-ewwel darba f’Malta.

It-tieni akkwist li ħabbru Floriana f’dawn l-aħħar jiem hu dak tal-winger Serb, Todor Glosovic li jilgħab fuq ix-xellug u għandu 24 sena. Għalkemm żgħir fl-etá, Glosovic diġa’ għandu esperjenza fl-ogħla diviżjoni Serba u tas-Super Liga tal-Moldova.