Sebgħin fil-mija tar-residenti f’Malta jippreferu kura paljattiva li tiggarantixxi mewt naturali mingħajr uġigħ, milli ewtanasja volontarja assistita.
Saħqet dan il-Misco, wara stħarriġ li għadu kemm sar mill-kumpanija stess, b’din il-mistoqsija. L-istess stħarriġ juri kif kważi nofs dawk li wieġbu, ammettew li jikkunsidraw itemmu ħajjithom permezz tal-ewtanasja sabiex jevitaw li jkunu piż fuq il-familja tagħhom.
L-istħarriġ nazzjonali ta’ Misco sab li aktar minn żewġ terzi minn dawk li diġà esperjenzaw it-telfa ta’ membru tal-familja kawża ta’ marda, jappoġġjaw il-kura paljattiva. Huma saħqu kif l-esperjenzi reali jħallu impatt fuq l-attitudnijiet tal-pubbliku.
L-istħarriġ żvela wkoll il-pressjoni emozzjonali u soċjali li persuna tista’ tħoss jekk tingħata dijanjosi ta’ marda terminali. 47% qalu li jikkunsidraw din l-għażla jekk iħossu li huma piż fuq il-maħbubin tagħhom.
Intant, terz ta’ dawk li rrispondew qalu li s-sitwazzjoni ta’ piż fuq il-familja ma tkunx fattur fid-deċiżjoni tagħhom, filwaqt li 18% ma rrifjutawx li jeskludu din il-possibbiltà.
L-istħarriġ żvela wkoll nuqqas wiesa’ ta’ fehim dwar xi jfisser eżattament it-terminu “assisted dying”. B’60% jisħqu li dan ifisser li pazjent jingħata mediċina letali biex itemm ħajtu hu stess – kif deskritt fid-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Gvern.
Il-bqija ħasbu li tfisser kura ta’ tip hospice għal dawk li jinsabu fl-aħħar stadju ta’ ħajjithom, jew id-dritt li persuna tieqaf tieħu trattament li jtawwal il-ħajja – żewġ għażliet li diġà huma legalment u mediċinalment disponibbli għal kulħadd.
L-istħarriġ sar fost 500 rispondent bejn l-10 u d-19 ta’ Ġunju 2025, sabiex jitkejjel is-sentiment pubbliku fid-dawl tal-konsultazzjoni ta’ xahrejn dwar White Paper appoġġjata mill-Gvern, li qed tipproponi li pazjenti terminali li jkun jonqoshom inqas minn sitt xhur ħajja jingħataw l-għażla ta’ ewtanasja volontarja assistita.
//= $special ?>