Lokali Parlament

L-istewards għandhom ikunu identifikabbli u jkollhom body-cams fuqhom

David Agius, PN

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius qal fil-parlament li l-istewards għandhom ikunu identifikabbli u jkollhom body-cams fuqhom.

Meta kien qed jitkellem dwar emendi fil-liġi dwar l-istewards f’postijiet fejn isiru attivitajiet sportivi, David Agius qal li l-liġi għandha tkun ċara dwar sport li jsir ġewwa u jekk jistax ikun hemm stewards u dwar logħobiet ta’ ħbiberija. Hu staqsa jekk hux se jkun hemm minimu ta’ kemm jista’ jkun hemm pulizija għall-attivitajiet sportivi u jekk dan l-obbligu hux se jibqa’.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-istewards ma jistgħux jarresta lin-nies iżda jistgħu jitolbu lill-pulizija jgħinuhom. Il-liġi għanhda tkun ċara x’isir f’każi fejn il-persuni ma jobdux lill-istewards.

David Agius qal li l-istewards għandu jkollhom fil-pussess tiegħu l-ID Card li toħroġ mill-Kummissarju tal-Pulizija u appella biex l-istewards ikunu rikonoxxuti fil-postijiet tal-isport. Hu appella biex l-istewards ikollhom il-body-cam fuqhom u sostna li l-istewards għandu jkollhom iċ-ċertifikat tal-ewwel għajnuna medika.

Dwar l-ambulanzi f’attivitajiet sportivi, David Agius staqsa jekk din hijiex obbligatorja bil-liġi u qal li dan hu aspett importanti ħafna. Fl-għoti ta’ dawn il-korsijiet għandu jkun hemm ukoll l-involviment ta’ aġenziji edukattivi.

Hu tkellem fuq l-Awtorità tal-Integrità fl-Isport Malti u qal li din għadha bla CEO u mhemmx informazzjoni dwar kemm applikaw persuni. Jeħtieġ li din l-Awtorità tkun integra fiha nnfisha, sostna David Agius.