Wara ġimgħa oħra ta’ inċidenti u vjolenza fit-toroq wasal iż-żmien li Malta ma tibqax ċentralizzata fuq il-karozzi.
Dan intqal minn friends of the earth Malta fejn spjegat li għal darb’oħra l-pajjiż kien xhieda ta’ inċidenti serji ta’ traffiku. Huma saħqu li dawn m’għadhomx inċidenti iżolati, iżda parti minn pattern magħġun minn sistema ta’ trasport li tiffoka biss fuq vetturi privati minflok fuq is-sigurtà, is-saħħa u s-salvagwardja tal-ħajja tal-poplu.
L-NGO spjegat li dawn mhux sempliċi inċidenti imma traġedji li jistgħu jiġu evitati, sforz deċiżjonijiet ħżiena u falliment fl-ippjanar.
Spjegat ukoll li tinsab verament inkwetata bil-fallimenti persistenti fit-toroq u s-sistema tat-traffiku ta’ Malta. Minkejja snin twal ta’ appelli mis-soċjetà flimkien ukoll ma’ kumulazzjoni ta’ evidenza akkademika u statistiċi nazzjonali, Friends of the Earth Malta saħqet li l-pajjiż baqa’ mwaħħal fuq mudell disinjat fuq il-veloċità u konvenjenza. Dan filwaqt li dawk iċ-ċiklisti, li jużaw it-trasport pubbliku u li jagħżlu biex jimxu…jingħataw il-ġenb.
Ingħad li numru ta’ NGOs ilhom issa snin jisħqu dwar in-nuqqas ta’ sostenibbiltà u perikli li dan kollu qed iġib miegħu – fejn gvern wara ieħor jibqa’ jixħet fondi pubbliċi f’aktar kostruzzjoni ta’ toroq ġodda, filwaqt li l-ħtiġijiet bażiċi għal trasport pubbliku, u infrastruttura serja għaċ-ċiklisti tibqa’ tiġi injorata.
Ġie spjegat li l-piż finanzjarju huwa enormi, iżda flimkien ma’ dan pajjiżna qed iħallas il-prezz qares tal-ħajjiet – bil-konsegwenzi jkunu agħar. Intant huma saħqu li t-triq imħabbra lejn Smart City hija eżempju ċar ta’ nuqqas ta’ viżjoni fit-tul, pjanar li jpartat l-ispazju pubbliku u kwalità ta’ ħajja aħjar ma’ aktar asfalt u karozzi.
Intqal li la darba l-infurzar jibqa’ dgħajjef, la darba t-trasport pubbliku ma tistax tafdah u l-bankini huma fi stat ta’ abbandun jew saħansitra ineżistenti… il-poplu huwa sfurzat jużaw it-toroq mhux b’għażla iżda neċessità.
Sabiex pajjiżna jevita aktar ħsara u perikli, intqal kif il-Gvern għandu fundamentalment jixħet ħarstu għal viżjoni ta’ trasport fejn tpoġġi in-nies l-ewwel – bil-għan li d-dinjità u s-sigurtà tan-nies li jimxu fit-toroq jew iċ-ċiklisti tingħata prijorità.
Bl-NGO tisħaq li dan jista jsir biss jekk tingħata prijorità lil komunità minflok lill-konġestjoni – li jinbidel il-mod kif naħsbu….u jekk dan ma jsirx it-traġedji fit-toroq se jibqgħu karatteristika dejjiema.
//= $special ?>