Lokali Qorti

Eks Supretendent jiddeskrivi s-sitwazzjoni makabra fid-dar fejn inqatlu Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski

Il-ġuri dwar il-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski kompla t-Tlieta quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras, b’xiehda xokkanti dwar dak li l-pulizija sabu fuq il-post. Il-każ jikkonċerna l-assassinju brutali li seħħ fit-18 t’Awwissu 2020 fi Triq Locker, Tas-Sliema, fejn Pandolfino ta’ 58 sena u Maciejowski ta’ 30 sena nqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar ġewwa d-dar tagħhom.

L-akkużati huma Daniel Muka, Albanese ta’ 30 sena, u Viktor Dragomanski, mill-Maċedonja ta’ Fuq ta’ 41 sena, li qed jiffaċċjaw diversi akkużi relatati mal-qtil. Fil-bidu tas-seduta, Muka reġa’ qal lill-Qorti li ma riedx li l-avukat tal-għajnuna legali Josette Sultana tirrappreżentah u insista li ma setax jibqa’ sieket waqt il-proċeduri.

L-Imħallef Galea Sciberras ordnat li għal darba oħra jitneħħa mill-awla wara li rrifjuta li jsegwi il-ġuri fis-skiet. L-eks Supretendent James Grech xehed li kien fuq il-post mal-ewwel investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-qtil.

Huwa spjega kif sar jaf dwar żewġ xhieda, fosthom Christopher Gauci, li kien ra żewġ irġiel joħorġu minn karozza Volkswagen Tiguan bajda ftit metri ‘l bogħod mid-dar tal-vittmi u jidħlu ġewwa. Wara ftit, sema’ tiri u ra lill-istess irġiel jitilqu b’ħeffa mill-post u jsuqu ‘l bogħod fi Triq Tigné.

Mill-analiżi tas-CCTV, irriżulta li l-istess karozza kienet qed tuża numru ta’ reġistrazzjoni differenti minn dak li kellha fil-ġurnata tal-qtil. Fil-vettura nstabu karti tan-negozju ta’ Paula Pandolfino (oħt wieħed mill-vittmi), ġojjellerija tad-deheb, parokki, maskri kirurġiċi, ingwanti u n-numru ta’ reġistrazzjoni li ntuża dakinhar tal-qtil – JED 082.

Fil-lejl tal-qtil, tliet irġiel, inkluż l-akkużati, dehru f’Dolce Sicilia f’Tas-Sliema, fejn wieħed minnhom talab il-password tal-WIFI. It-telefown ta’ Muka ġie lokalizzat fiż-żona ta’ Portomaso għall-ħabta tal-8:30 pm, iżda ftit wara ġie mitfi b’mod suspettuż u deher jerġa’ jintuża għall-ħabta tal-11:00 pm fil-Gżira, ħin li jikkorrispondi mat-tluq mill-post tad-delitt.

L-arrest ta’ Daniel Muka

Il-pulizija rċevew informazzjoni li Muka kien daħal f’dar abbandunata l-Floriana. Meta dawn daħlu biex jarrestawh, sabuh fil-pussess ta’ pistola Glock 17 mimlija b’11-il balla. Grech spjega li sitta minnhom kienu neqsin — eżattament il-balal li ntużaw biex ġew assassinati l-vittmi. Pandolfino nqatel b’ħames tiri, filwaqt li Maciejowski ġie maqtul b’tir wieħed bejn għajnejh.

Muka kien liebes ċirku u katina tad-deheb li kienu proprjetà tal-vittmi. Ħwejjeġ li nstabu fil-karozza ntużaw biex ġie kkonfermat il-konnessjoni tiegħu permezz ta’ analiżi tad-DNA u marki tas-swaba’. Waqt l-interrogazzjoni, Muka identifika lil Viktor Dragomanski minn ritratti u qal lill-pulizija li kien Dragomanski li spara t-tiri — iżda dan irriżulta bħala informazzjoni falza.

Il-pulizija rċevew informazzjoni li Dragomanski kien qed joqgħod fil-Blue Bay Hotel il-Gżira. Meta l-pulizija marru jarrestawh, huwa pprova jaħrab mit-tieqa tal-kamra tal-lukanda u qabeż minn bejt għal ieħor għal diversi blokok ta’ bini, iżda eventwalment inqabad ftit toroq ‘l bogħod.

Meta ġie arrestat, Dragomanski qal lill-pulizija: “Muka kissirli ħajti. Qatel żewġ persuni għalxejn.” Il-pulizija ordnawlu biex ma jitkellimx aktar sakemm jiġi interrogat.

L-Avukati tal-Prosekuzzjoni huma Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Muka qed jiġi difiż mill-Avukati Mario Mifsud u Josette Sultana, filwaqt li Dragomanski qed jiġi rappreżentat mill-Avukati José Herrera u Alex Scerri Herrera. L-Avukati Joe u Michaela Giglio qed jidhru għal familji tal-vittmi.