Għaqda Repubblika tenniet is-sogħba tagħha dwar tibdil fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u qalet li l-Kostituzzjoni qed tinbidel mingħajr ebda forma ta’ diskussjoni pubblika, mingħajr konsultazzjoni u mingħajr ebda sforz biex jintlaħaq qbil dwar kif jinbidlu r-regoli fundamentali tad-demokrazija.
L-Għaqda saħqet li l-Kostituzzjoni hi aktar importanti minn sempliċi test legali u mhix bħal liġijiet oħra. Filwaqt li l-Kostituzjoni hi strument ċiviku u patt demokratiku, huma qalu wkoll li tirrappreżenta impenn reċiproku bejn l-istat u ċ-ċittadini biex tintradd ġustizzja, tkun garantita l-libertà u jitħares il-ġid komuni.
Fi stqarrija, Repubblika saħqet li minkejja dan, ilbieraħ, il-gvern bagħbas il-Kostituzzjoni mingħajr ebda forma ta’ djagolu fil-ħajja pubblika Maltija.
Huma għalqu li filwaqt li jaqblu l-Kostituzzjoni għandha tkun ittrattata bħala xi ħaġa ħajja u li għandha tinbidel biex tkun dejjem rilevanti għaż-żminijiet, huma fakkru li ċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili, il-mezzi tal-komunikazzjoni, u l-istituzzjonijiet akkademiċi għandu jkollhom rwol fil-ħsieb dwar kif għandha tinbidel l-għamla tal-Kostituzzjoni tagħna.