“Il-Partit konvenut kien kompliċi mal-awtorità pubblika biex seħħ dak li wassal għall-ksur tad-drittijiet tas-sidien”
Qalet dan il-Qorti Kostituzzjonali ta’ pajjiżna – f’deċiżjoni tal-Qorti li kkundanna il-Partit Laburista, hekk kif instab, skont l-istess sentenza, li meta kien fil-Gvern lura fil-bidu tas-snin tmenin, orkestra manuvra li kisret id-drittijiet fundamentali.
Dan hekk kif il-Partit Laburista, għal darb’oħra ntsab kompliċi, li flimkien mal-awtorità pubblika ħa binja privata għal skopijiet urterjuri u mhux għall-interess pubbliku. Binja li fl-1980 inbidlet f’Każin Laburista, propju fix-Xatt ta’ Birżebbuġa.
Intant matul din il-kawża, li mhux l-ewwel waħda tax-xorti tagħha, ġie magħruf kif din il-proprjetà kienet lukanda f’zona prominenti f’Birżebbuġa – iżda fis-6 ta’ Awwissu tal-1979, intlaqtet b’ordni ta’ rekwiżizzjoni.
Intqal li din il-binja bdiet tintuża bħala telephone exchange u, wara, bħala berġa. Sakemm b’ittra fil-11 ta’ Settembru 1980 il-Gvern Laburistan ta’ dak iż-żmien, għarraf lis-sidien li kien sejjer ibattal il-berġa u jagħti ċ-ċwievet lis-Segretarju tad-Djar. Intant b’kitba privata tas-16 ta’ Settembru, il-fond inkera lill-Partit Laburista.
Apparti hekk, fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ssemma’ kif is-sidien, dak iż-żmien ġew anke mġiegħla jħallu din il-kirja inġusta.
Il-Qort spjegat kif dan il-ksur ta’ drittijiet, iwassal għal kumpens ta’ iktar minn €990,000 lill-proprjetarji milquta.
Kumpens li ser jiġi mogħti mill-Gvern Malti u mill-Partit Laburista. Dan hekk kif, issa, dan hu kumpens ieħor, li l-Istat Malti ser ikollu jħallas minħabba inġustizzja minn Partit fil-Gvern li ra l-interessi partiġjani tiegħu u mhux l-interessi pubbliċi. Kif proprju ġara fil-każ tal-Każin tal-Labour ta’ Santa Venera.
Intant l-iżgumbrament min-naħa tal-Partit Laburista minn din il-binja f’Birżebbuġa, li ilha sservi bħala Każin Laburista mill-1980, skatta hekk kif din l-ordni ta’ żgumbrament hija maħruġa u uffiċjali.
//= $special ?>