Lokali Qorti

Il-PL ordnat jiżgombra mill-każin ta’ Birżebbuġa:”Kien qed jintuża b’mod abbużiv” – Il-Qorti

Il-Qorti ordnat l-iżgumbrament tal-każin tal-Partit Laburista ta’ Birżebbuġa u ġibdet ukoll widnejn lill-Avukat tal-Istat li ħalla lil dan il-każ jiġi użat b’mod ħażin. Kienet il-Qorti Kostituzzjonali li ordnat biex il-PL iħalli lil każin fi żmien xahrejn mill-għoti tas-sentenza, li ngħatat it-Tnejn filgħodu.

Dan wara li l-fond li fil-passat kien lukanda u wara beda jintuża bħala Berġa, b’daqqa ta’ pinna ngħata lill-Partit Laburista mill-Gvern Laburista fl-1980. F’hekk imsejħa sentenza storika l-Qorti ordnat lill-Partit Laburisa u l-Kumitat taċ-Ċentru tal-Partit Laburista ta’ Birżebbuġa biex jitilqu mill-proprjetà.

Dan sar wara rikors Kostituzzjonali ppreżentat minn Patricia Ellul Sullivan u diversi membri tal-familja tagħha – kontra l-Avukat tal-Istat, il-Partit Laburista, Martin Ebejer u George Zahra f’isem il-Kumitat Lokali tal-PL ta’ Birżebbuġa u l-Awtorità tad-Djar.

Il-każ infetaħ mill-werrieta ta’ Adelina Mannara, li kienet is-sid tal-proprjetà, wara li l-fond tagħhom kien ilu jintuża bħala każin mingħajr il-kunsens tagħhom u bi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom taħt l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea.

Skont is-sentenza, l-użu tal-proprjetà minn partit politiku, bil-kompliċità tal-Awtorità tad-Djar u l-Avukat tal-Istat, kien wieħed illegali u abbużiv. Il-Qorti qalet li l-awtoritajiet pubbliċi u l-Eks Ministru Joe Brincat ħadu deċiżjonijiet li kienu f’interess ta’ partit politiku u mhux fl-interess pubbliku kif suppost.

Il-Qorti enfasizzat li dan kien każ serju ta’ ksur tad-dritt tal-proprjetà u li dan il-mod ta’ kif l-awtorità pubblika mexxiet l-affarijiet wassal biex proprjetarja ta’ palazz spiċċat bla flus u li saħansitra kellha tidħol fi sptar tal-istat għax ma setgħetx tħallas għal kura f’dar privata tal-anzjani.

Il-Qorti Kostituzzjonali ordnat:

  • Ħlas ta’ danni pekunjarji ta’ €830,000 li għandhom jitħallsu mill-Awtorità tad-Djar u l-Avukat tal-Istat.
  • Ħlas ta’ danni morali ta’ €20,000, fejn €10,000 għandhom jitħallsu mill-Awtorità tad-Djar u l-Avukat tal-Istat, u l-oħrajn mill-Partit Laburista u ċ-Ċentru Laburista ta’ Birżebbuġa.
  • Żgumbrament immedjat fi żmien xahrejn mill-proprjetà tal-familja Mannara.

Il-Qorti qalet b’mod ċar li l-protezzjoni tal-proprjetà privata hija prinċipju fundamentali u ma jistax ikun li l-istat jew xi partit politiku jieħu vantaġġ minn sistema li suppost hija maħsuba għall-ġid tal-poplu.

Is-sentenza kienet preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul. Il-Qorti Kostituzzjonali aċċennat fis-sentenza importanti li tat li dan l-użu kien qed isir bi ksur tad-drittijiet fundamentali tas-sidien tal-fond.

Il-każ beda b’rikors kostituzzjonali li tressaq mill-werrieta ta’ Adelina Mannara, li kienu l-proprjetarji tal-fond f’Birżebbuġa li originarjament kien lukanda. Fl-1979, dan il-fond ġie rekwiżizzjonat mill-Istat u ġie użat bħala telephone exchange u wara bħala berġa. Fl-1980, il-Gvern Laburista informa lis-sidien li l-berġa kienet se tiġi evakwata u l-fond ġie mikri lill-Partit Laburista permezz tal-Awtorità tad-Djar.

Il-familja vitmma ta’ din “is-serqa” sostnew li kienu mġiegħla jikru l-proprjetà lill-Partit Laburista u li għal snin twal baqa’ jiġġedded il-kiri taħt kundizzjonijiet ta’ kera baxxa u mhux ġusta, saħansitra anki wara li skada l-perjodu tal-kiri.

Il-Qorti sabet li:

  • L-użu tal-proprjetà ma kienx wieħed ġust jew proporzjonat.
  • L-Awtorità tad-Djar u l-Istat kellhom rwol dirett biex il-proprjetà baqgħet f’idejn il-partit.
  • Il-Partit Laburista kien kompliċi mal-awtorità pubblika biex jitkompla dan l-abbuż.

Il-Qorti enfasizzat li dan ma kienx każ ordinarju ta’ kera kontroversjali, iżda każ fejn l-interess ta’ partit politiku ġie protett b’mod abbużiv mill-awtoritajiet pubbliċi, bil-konsegwenza li sidien il-proprjetà sfaw vittmi ta’ ksur gravi tad-dritt fundamentali tagħhom għall-proprjetà.

Il-Qorti ordnat ukoll li: L-Awtorità tad-Djar u l-Istat għandhom iħallsu €978,462 bħala danni pekunjarji. Għandhom jitħallsu wkoll €15,000 bħala danni morali. Il-Partit Laburista u ċ-Ċentru Laburista Birżebbuġa għandhom jiżgumbraw immedjatament il-proprjetà fi żmien xahrejn u ma jistgħux jibqgħu jużaw il-liġijiet tal-kera protetta biex iżommu l-fond.

Il-Qorti qalet ukoll li filwaqt li f’każijiet oħra l-iżgumbrament mhux dejjem jingħata bħala rimedju, f’dan il-każ ma setax ikun mod ieħor peress li l-Partit Laburista kien konvenut direttament fl-abbuż u ma kienx parti passiva.

Din is-sentenza mistennija tħalli impatt wiesa’ fuq każijiet simili ta’ proprjetajiet li qed jinżammu taħt kirjiet vantaġġużi għall-kerrejja iżda b’disprezz għad-drittijiet tas-sidien.

Il-kawża oriġinali kienet ġiet deċiża fl-2022 mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-kompetenza kostituzzjonali, iżda l-partijiet kollha appellaw, u issa l-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat li drittijiet fundamentali ġew miksura b’mod gravi u deliberat.

Il-pożizzjoni li ħadu l-Awtorità tad-Djar u l-Istat matul il-proċess

  1. Il-kera ma ġietx imposta mill-Istat – L-Awtorità sostniet li l-Istat ma ddeterminax l-ammont tal-kera u ma ġiex involut direttament fid-determinazzjoni tagħha.
  2. Il-kera hija ġusta skont il-kuntest storiku u soċjali – Għalkemm il-kera mhix rifless tal-valur tas-suq illum, f’każijiet fejn hemm għan leġittimu fl-interess pubbliku (bħal każini politiċi), il-kumpens dovut għandu jkun ħafna inqas mill-valur tas-suq.
  3. Il-fond għandu jitqies bħala każin u mhux bħala proprjetà kummerċjali – Ma jistax jiġi vvalutat daqslikieku jintuża għal skop kummerċjali. Il-valur għandu jibqa’ f’dan il-kuntest.
  4. Il-ftehim inizjali kien volontarju u mingħajr pressjoni – Ma kien hemm ebda pressjoni jew sfurzar biex il-kera tintrama jew li l-fond jingħata lill-Partit Laburista. L-atturi aċċettaw dan b’mod volontarju.
  5. Il-kera inizjali kienet ġusta għall-perjodu tagħha – L-atturi ma kkontestawx il-kera għal snin twal u dan jimplika li kienu sodisfatti jew għall-inqas aċċettaw is-sitwazzjoni.
  6. In-nuqqas ta’ azzjoni minn qabel għandu effett legali – It-tul taż-żmien li għadda qabel ma ġew istitwiti dawn il-proċeduri jindika akkwiexxenza (aċċettazzjoni) tas-sitwazzjoni min-naħa tal-atturi.
  7. Il-kumpens mitlub huwa sproporzjonat – L-ammont tal-kera msemmija mill-atturi ta’ €3,000 fix-xahar huwa esaġerat u mhux raġonevoli fid-dawl tal-fatti.
  8. Il-kirja kienet valida u qatt ma ġiet kontestata qabel – L-esponenti jżommu li l-kirja saret skont il-liġi u li r-rikorrenti qatt ma talbu biex jirrexxindu l-kuntratt qabel dan il-każ.