Lokali

“Il-poplu Malti se jkollu jħallas kumpens ta’ €840,000 għas-serq tal-Partit Laburista” – PN

Il-Labour jinstab ħati mill-Qorti Kostituzzjonali li żamm proprjetà privata ta’ ħaddieħor biex jużaha bħala każin; min jisraq liċ-ċittadin mill-proprjetà tiegħu m’għandux dritt jgħajjar lil ħaddieħor

Il-Partit Laburista jmissu jistħi jitkellem dwar id-dejn ta’ ħaddieħor filwaqt li hu ilu s-snin jisraq lill-familji Maltin mid-dritt li jgawdu l-proprjetà tagħhom stess.

Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali fil-bidu ta’ din il-ġimgħa sabet lill-Partit Laburista ħati li għal 45 sena sħaħ seraq lis-sidien ta’ dar f’Birżebbuġa mid-dritt li jgawdu l-proprjetà tagħhom meta din itteħditilhom minn Gvern Laburista fit-tmeninijiet u ngħatat lill-Partit Laburista biex tintuża bħala każin. Bil-kumpens ta’ eluf ta’ ewro li ordnat li jitħallas il-Qorti għal dan is-serq tal-Labour issa se jkollu jħallas għalih il-poplu.

Il-Qorti qalet li l-Partit Laburista kiser id-drittijiet fundamentali ta’ dawn is-sidien privati u ordnatlu joħroġ mill-post fi żmien xahrejn waqt li qalet li s-sidien għandhom jingħataw kumpens ta’ €830,000 għad-danni li sofrew kif ukoll jitħallsu €20,000 oħra f’danni morali.

Issa l-poplu Malti se jkollu joħroġ minn butu dawn l-eluf ta’ ewro f’kumpens li l-Qorti ordnat li jitħallas lil din il-familja talli l-Labour ħataf f’idejh din il-proprjetà illegalment snin ilu. Il-Qorti ordnat ukoll li nofs id-danni morali għandhom jitħallsu mill-Avukat Ġenerali u l-Awtorità tad-Djar, bin-nofs l-ieħor biss jitħallas mill-Partit Laburista direttament. Dan minħabba li l-Labour kien f’kollużjoni mal-Awtorità tad-Djar biex il-proprjetà tinbidel f’każin Laburista.

B’hekk il-poplu Malti se jkollu jħallas €840,000 għas-serq tal-Partit Laburista.

Il-Partit Laburista komdu jnaqqas mid-djun tiegħu billi jisraq lin-nies minn dak li hu tagħhom bi dritt. Xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista qatt ma għamel u qatt mhu se jasal jagħmel.

Il-Partit Laburista ilu li tilef kull sens ta’ moralità u spiċċa maħkum minn regħba biex jaħtaf kull ma jista’ – anke dak li mhux tiegħu.

Min jisraq liċ-ċittadin Malti biex jimla bwietu ma jixraqlux imexxi lil dan il-pajjiż.