Ambjent Lokali

Il-pubbliku qed jikkopera biex il-bejta tal-fkieren titħares

B’kollox s’issa tlett ifkieren għamlu l-bejta tagħhom matul dan is-sajf. Bejta fil-bajja tal-Għadira, bejta fil-bajja tal-Ġnejna u oħra fil-Bajja tar-Ramla l-Ħamra.

Numru ta’ voluntieri minn Nature Trust jinsabu għassa 24 siegħa kuljum, bil-għan li dawn il-bejtiet jibqgħu siguri, mingħajr ħafna storbju, hekk kif dan jaffettwa l-bejtiet.

Net News tkellem ma’ Rachel Kats li spjegatilna kif il-pubbliku qed jikkopera biex dawn iz-zoni jkunu mħarsa.

Rachel Kats spjegat kif inizjalment il-voluniteri sabu il-passi tal-fekruna li wasslu għal bejta.

It-temperatura tal-bejta tiddetermina jekk ifaqsux fkieren nisa jew irġiel. Għall-fkieren loggerhead temperatura ‘l fuq minn 29C normalment tipproduċi fkieren nisa u waħda inqas minn 29C tipproduċi fkieren irġiel.

Il-bajd tal-fkieren normalment jieħu bejn 50 u 60 ġurnata biex iffaqqas, u bejn wieħed u ieħor il-bejta tkun b’fond ta’ bejn 30 u 45 cm.

Intant, min hu interessat biex ikunu voluntier ma’ Nature Trust jista’ jibgħat email fuq turtle.naturetrust@gmail.com.