Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell imressaq minn Yorgen Fenech, li kien ilmenta li d-drittijiet fundamentali tiegħu nkisru minħabba l-involviment tal-Eks Spettur u llum Assistent Kummissarju Keith Arnaud fl-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, ikkonfermat is-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) li kienet diġà ċaħdet it-talbiet kollha ta’ Fenech fl-2024.
Fenech kien sostna li l-involviment tal-Ispettur Arnaud kien jikser id-dritt tiegħu għal proċess ġust u smigħ imparzjali kif garantiti mill-Kostituzzjoni ta’ Malta u mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Huwa kien talab li l-Ispettur Arnaud jitneħħa kompletament mill-investigazzjoni u li kull deċiżjoni li ttieħdet mill-Ispettur tiġi riveduta.
Fenech kien iddikjara li l-investigazzjoni oriġinarjament kienet immexxija mid-Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li kellu rabtiet ma’ uffiċjali politiċi ta’ livell għoli u għalhekk tneħħa wara rikors kostituzzjonali ieħor imressaq mill-familja Caruana Galizia fl-2018. Fenech sostna li l-investigazzjoni kienet minfuħa minn interessi politiċi u li dan kien jikkomprometti l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha.
Il-partijiet konvenuti, fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali, il-Ministeru għall-Intern u l-Ispettur Keith Arnaud, kienu ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet u saħqu li Fenech ma kellux il-bażi legali biex iwaqqaf investigazzjoni jew jiddetta min għandu jmexxiha. Huma sostnew ukoll li Fenech kellu rimedji ordinarji fis-sistema ġudizzjarja biex iħares id-drittijiet tiegħu, u għaldaqstant ma kellux għalfejn jirrikorri għall-Qorti Kostituzzjonali.
Il-Qorti Kostituzzjonali kkonkludiet li l-ilment ta’ Fenech ma kienx jissodisfa l-prerekwiżiti biex jiġi kkunsidrat bħala ksur tad-drittijiet fundamentali u qalet li d-dritt għal smigħ xieraq għandu jitqies fuq il-proċess kollu, mhux fuq episodju wieħed fl-investigazzjoni.
B’hekk, il-Qorti ċaħdet l-appell ta’ Fenech u kkonfermat is-sentenza preċedenti, filwaqt li ordnat li l-ispejjeż kollha jkunu tiegħu. Fenech kien appella mis-sentenza mogħtija fl-10 ta’ April 2024 mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), li kienet diġà ċaħdet it-talbiet tiegħu u ordnat li l-ispejjeż tal-kawża jitħallsu minnu.
Huwa sostna li l-involviment ta’ Arnaud fl-investigazzjoni kien jipperikola l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istess investigazzjoni, u għalhekk kien qed jitlob li Arnaud jitneħħa mill-każ u li kull deċiżjoni li ttieħdet minnu tiġi riveduta.
Il-fatti tal-kawża
Yorgen Fenech huwa attwalment mixli b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Fil-bidu tal-investigazzjoni, il-każ kien immexxi mid-Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li kien jagħmel laqgħat regolari mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tiegħu.
Wara proċeduri kostituzzjonali li saru mill-familja Caruana Galizia, Valletta tneħħa mill-investigazzjoni f’Mejju jew Ġunju tal-2018. Is-sena ta’ wara, fl-2019, Keith Arnaud kien arresta lil Fenech bħala wieħed mis-suspettati prinċipali fil-każ.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali, il-Ministeru għall-Intern u l-Ispettur Keith Arnaud kollha sostnew li l-pretensjonijiet ta’ Fenech kienu infondati. Fost l-argumenti tagħhom: L-Avukat Ġenerali, il-Ministeru u Arnaud ma kellhomx locus standi fil-vesti personali tagħhom.
Fenech kellu rimedji ordinarji disponibbli u ma kellux għalfejn jirrikorri għall-Qorti Kostituzzjonali. L-applikazzjoni tal-artikolu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea ma kinitx rilevanti għall-każ. L-ilmenti dwar nuqqas ta’ smigħ xieraq kellhom jiġu evalwati fuq il-proċess kollu, mhux fuq episodji speċifiċi. Barra minn hekk, sostnew li Fenech ma kellux id-dritt li jwaqqaf jew jiddetta l-mod kif għandha ssir l-investigazzjoni.
//= $special ?>