Lokali

Is-26 edizzjoni tal-Għaxaq Music Festival

Kunċert li mhux biss tattendi għalih biex tieħu pjaċir, iżda tkun qiegħed tagħti donazzjoni lil organizzazzjoni li tagħmel tant ġid mal-familji.

Dan huwa l-Għaxaq Music Festival – li għal darba oħra se tkun attività mqassma fuq jumejn.

Nhar il-Ħamis 17 ta’ Lulju u l-Ġimgħa 18 ta’ Lulju f’Ħal Għaxaq ser jittellgħu żewġt iljieli ta’ mużika minn aritsti ta’ fama internazzjonali u anke lokali.

Sena wara sena, dan il-festival jattira eluf ta’ Maltin u barranin lejn ir-raħal pittoresk ta’ Ħal Għaxaq, li għal dawn l-okkażjonijiet jinbidel f’ċentru kulturali mimli mużika u atmosfera unika.

L-Għaxaq Music Festival ilu jittella’ mill-1999, bi Freddie Portelli kien l-ewwel kantant għal dan l-avveniment, li mill-ewwel edizzjoni attira l-eluf.

Għal sena oħra, parti mill-profitti tal-biljetti ser jiġu mogħtija bħala donazzjoni lill-għaqda Embrace Diversity Organization.

L-Għaxaq Music Festival jiftaħ bil-headliner internazzjonali Zucchero. Ser ikun hemm ukoll Chess Galea, kantanta-awtriċi Maltija b’karriera internazzjonali, DJ Pierre Cordina u jagħlaq b’after party DJ Mykill.

Imbagħad il-Ġimgħa 18 ta’ Lulju, is-serata tkompli bil-grupp leġġendarju Franċiż, Gipsy Kings bħala l-headliners – grupp rebbieħ ta’ Grammy Award, u magħrufin mad-dinja kollha.

Ser ikun hemm ukoll Kurt Calleja & Friends, fejn ser jingħaqdu miegħu numru ta’ artisti Maltin bħal Chiara, Owen Luellen, Brooke u Kirste Graham. Id-DJ Alex Grech ser jiftaħ is-serata u tagħlaq b’after party DJ Sue.