Wara li Donald Trump ħabbar li kien wassal għal ftehim għal waqfien mill-ġlied, ħarġu rapporti li l-Iran kien qed ikompli jispara l-missili lejn l-ibliet tal-Iżraeljani ….u eżatt wara, Iżrael, mill-ġdid, wettaq mewġa ta’ attakki mill-ajru fuq il-bażijiet militari tar-reġim Iranjan.
L-Iżraeljani, min-naħa tagħhom, huma urtati ħafna li l-Iranjani kisru kważi mal-ewwel il-kundizzjonijiet tal-waqfien mill-ġlied fraġli li l-Gvern ta’ Iżrael kien qabel dwaru fis-sigħat bikrin tat-Tlieta. Il-ftehim kellu jidħol fis-seħħ wara li l-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin qal li l-Iran ma kellux ikompli bl-azzjonijiet militari dment li Iżrael jieqaf mill-aggressjoni.
Iżda wara li Trump ħabbar li l-ftehim kien qed ikun irrispettat, ħarġu r-rapporti dwar aktar imwiet f’Iżrael u l-Iran wara l-isparaturi reċiproċi tad-drones u l-missili.
U waqt li l-gwerra kompliet fl-aħħar sigħat, ir-residenti f’Tehran, il-kapitali tal-Iran, qalu li sofrew l-agħar mewġa ta’ attakki s’issa min-naħa ta’ Iżrael; fost rapporti li nqatlu u ndarbu diversi persuni.
Is-servizzi għall-emerġenza f’Iżrael qalu, intant, li l-missili ballistiċi tal-Iranjani qatlu erba’ persuni fil-belt ta’ Beersheba fejn anki ntlaqtu numru ta’ bini residenzjali.
Meta kellem lill-ġurnalisti qabel telaq lejn The Hague biex jattendi s-summit tan-NATO, Donald Turmp għamilha ċara li ma kien kuntent xejn dwar dawn l-aħħar żviluppi…U waqt li kritika bl-aħrax lil Iżrael u l-Iran, hu deher jirriserva l-akbar għadab għall-Iżraeljani.
Intant, it-Tmexxija tal-Qatar ikkundannat bla riservi l-attakk tal-Iranjani fuq il-bażi tal-ajru ta’ Al Udeid; li hi faċilità militari importanti ħafna għall-Amerikani.
Il-Prim Ministru tal-Qatar, Mohammed bin Abdulrahman Al Thani, qal li l-poplu tiegħu baqa’ sorpriż ħafna bl-azzjoni tal-Iran fost kumment li xi ħaġa bħal din hi inaċċettabli għal pajjiżu.
Al Thani qal li l-attakk biddel il-mod kif pajjiżu qed iħares lejn l-Iran.
Iżda eskluda li l-Qatar jista’ jieħu azzjoni militari li teskala s-sitwazzjoni.
Hu tenna li l-Gvern f’Doha għandu jwieġeb lill-Iran bid-diplomazija kif ukoll bl-azzjonijiet legali.
//= $special ?>