Internazzjonali

L-aktar summit importanti minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija

Is-summit tan-NATO li beda illejla huwa mqassam fuq jumejn ….u l-Mexxejja tal-Istati, fil-preżent, qed jaġġoranaw ruħhom dwar l-aħħar żviluppi fil-gwerra bejn Iżrael u l-Iran kif ukoll dwar il-kriżi umanitarja f’Gaza u t-theddida għall-Ewropa mill-gwerra tal-Ukrajna li ilha għaddejja għal aktar minn tlett snin.

Numru ta’ osservaturi u analisti, qabel is-summit, wissew li r-Russja ta’ Vladimir Putin kapaċi tkun f’pożizzjoni li tattakka Stat membru tan-NATO fi żmien ħames snin oħra …Thedidda li tidher l-aktar reali fir-rigward tal-Polonja u t-tlett Stati Baltiċi – il-Litwanja, l-Estonja u l-Latvja.

L-awtoritajiet f’The Hague organizzaw l-akbar network għall-ħarsien tas-sigurtà tal-Mexxejja…Sistema mlaqqma ‘Operation Orange Shield’. Madwar 27,000 uffiċjal tal-pulizija u ‘il fuq minn 10,000 suldat jinsabu stazzjonati madwar din il-belt għal kemm idum is-summit u l-awtoritajiet tellgħu ħames kilometri ta’ fencing madwar z-zona fejn qed isiru l-laqghat.

Fl-istess ħin, madwar l-Olanda, bħalissa, hemm gruppi ta’ suldati bl-artillerija għal kontra l-ajruplani bħala impenn ieħor għall-ħarsien tas-sigurtà.

Hu stmat li l-organizzazzjoni ta’ dan is-summit għandha tiswa’ il fuq sew minn 180 miljun ewro.

Intant, l-Alleanza tan-NATO mistennija tiddiskuti u tiddikjara żieda qawwija fl-infiq għad-difiża tal-Istati-membri – meta n-nefqa għal kull pajjiż mistennija titla’ minn tnejn għal ħamsa fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku .

Dan fost it-tensjoni ġeopolitika u s-sitwazzjonijiet fejn qed jinfirxu l-konflitti – bil-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed jhedded li jirtira lil pajjiżu mill-Alleanza, dment li l-pajjiżi l-oħra ma jikkontribwux b’mod xieraq għall-ispejjeż tal-Alleanza.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Mark Rutte, qal li n-NATO teħtieġ li żżid b’erba’ darbiet id-difiżi li jibbażaw fuq il-missili u l-qawwiet tal-ajru biex tikkonfronta t-theddida kontinwa min-naħa tar-Russja,

Madwar 9,000 persuna qed jattendu għal dan is-summit, fosthom 45 Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvernijiet…Dawn huma t-32 Mexxejja tal-Istati-membri tan-NATO flimkien mal-Mexxejja ta’ pajjiżi oħra bi sħubija mal-Alleanza.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, fis-sigħat li jmiss – bħala Mistieden Speċjali – għandu jattendi għal ikla mal-Kapijiet tan-NATO għalkemm mhux mistenni li hu jkun preżenti għas-sessjoni formali tas-summit li ssir nhar l-Erbgħa.