Lokali Parlament

L-istewards ta’ sigurtà għandu jkollhom taħriġ fl-ewwel għajnuna medika

Darren Carabott, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal fil-parlament li l-istewards ta’ sigurtà għandu jkollhom taħriġ fl-ewwel għajnuna medika.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar Stewards ta’ Sigutà f’Postijiet tal-Isports, Darren Carabott qal li hu pożittiv li ċertu rwoli jitnaqqsu minn fuq il-Korp tal-Pulizija u jsiru minn persuni liċenzjati, fosthom fl-isport. Hu tkellem dwar ir-rekwiżiti liċenzjati bħala stewards u qal li jeħtieġ li wieħed mir-rekwiżiti għandu jkun kors tal-ewwel għajnuna medika.

Dan iċ-ċertifikat għandu jkun imġedded perjodikament, sostna d-deputat Nazzjonalista li kompla li jekk din il-liġi tkun suċċess għandha tkun ikkunsidrata l-possibbiltà li dan il-kunċett jintuża wkoll f’postijiet ta’ attivitajiet tal-massa. Hu appella biex ikun hemm taħriġ kontinwu tal-istewards li jkollhom il-liċenzja u għal kollaborazzjoni mal-entitajiet l-oħrajn li jistgħu jimpattaw lill-istess attivitajiet fosthom il-folol.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-Korp tal-Pulizija u qal li l-Korp irid ikun pass qabel il-kriminal biex jilqa’ għal kull eventwalità. Hu appella biex ir-riżorsi tal-pulizija jitqassmu u jintużaw aħjar u qal li fl-2013 il-popolazzjoni kienet 400,000 iżda issa din telgħet għal 550,000. Quddiem din issitwazzjoni l-pulizija naqsu meta paragunati mal-ammont ta’ popoluazzjoni.

Darren Carabott staqsa x’jiġri jekk ma jkunx hemm stewards jw uffiċjali tal-pulizija u ta’ min se tkun ir-responsabbiltà f’dawn iċ-ċirkostanzi.