Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-avukat Jason Azzopardi biex l-Imħallef Mark Simiana jirrekuza ruħu mill-appell li huwa fetaħ kontra s-sentenza li sabitu ħati li ffilmja ġewwa l-bini tal-Qrati. Il-każ huwa marbut ma’ filmat li xxandar fuq NET Media li juri lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard jitkellmu fil-kurituri tal-Qrati tal-Liġi fil-Belt Valletta fit-2 ta’ Diċembru.
Skont ir-regolamenti, huwa pprojbit li jsir filming ġewwa l-bini tal-Qorti mingħajr awtorizzazzjoni mid-Direttur tal-Qrati jew mill-Prim Imħallef. F’April li għadda, Azzopardi kien instab ħati li ffilmja illegalment lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-Ġustizzja u ġie mmultat €1,000.
Azzopardi appella din is-sentenza, iżda talab ukoll lill-Imħallef Simiana biex ma jkomplix jisma’ l-każ u jirrekuza ruħu. Fil-motivi tiegħu, Azzopardi sostna li l-proċeduri kontrih kienu ġew imnedija fuq istruzzjoni tal-Prim Ministru, u fakkar ukoll li Robert Abela kien wera fiduċja personali fl-Imħallef Simiana fil-passat.
Madankollu, il-Qorti nnutat li l-proċeduri nfetħu mir-registratur u mill-marixxall prinċipali u mhux fuq ordni tal-Prim Ministru. Żiedet tgħid li l-fatt li Abela wera fiduċja fl-Imħallef Simiana ma jfissirx awtomatikament li l-Imħallef għandu jirrekuza ruħu.
Il-Qorti rrimarkat ukoll li fl-istess applikazzjoni tiegħu, Azzopardi stess kien qal li ma kellux dubji dwar l-integrità tal-Imħallef. Għaldaqstant, il-Qorti ma sabitx raġunijiet validi biex l-Imħallef Simiana jitneħħa mill-każ u ordnat lil Azzopardi biex iħallas l-ispejjeż tal-proċedura.
Il-kawża nstemgħet quddiem l-Imħallfin, Giannino Caruana Demajo, Anthony Ellul u Mark Simiana. Azzopardi kien rappreżentat mill-avukat Arthur Azzopardi.
//= $special ?>