Mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Iktar ma jgħaddu l-jiem aktar huwa evidenti li d-dinja mhix se tidħol f’perjodu ta’ paċi. Ma’ kull xahar qed nassistu għal aktar kumplikazzjonijiet u xenarji differenti li qed jiżvolġu. Ma nafx kemm minn dak li beda għaddej bejn l-Iran, Iżrael u l-Istati Uniti se jsolvi dak li għaddej f’Gaża u l-Ukrajna.
Tant il-bilanċi huma delikati li għalkemm tista’ għal uħud tidher li qed isiru xi manuvri militari ta’ ‘suċċess’ fil-fatt qed jinżergħu raġunijiet ta’ aktar riżentimenti futuri. Dak li qed iseħħ illum għada pitgħada se jkollu l-effett tiegħu. Diġà qegħdin immissu ma’ dak li sar żbaljat fil-passat imma issa minflok ma qegħdin insolvu qed inkomplu nżidu r-raġunijiet biex inkomplu għaddejjin fl-inkwiet fil-futur.
Ma naħsbux
Ma nimmaginawx li dak li għaddej, mhuwiex f’xi mument jew b’xi mod se jolqot l-interessi tagħna. L-aktar ċertament dak marbut mal-paċi. Pajjiżna jikber u javvanza skont kemm ikollna trankwillità u nuqqas ta’ ġlied fir-reġjun.
Il-kummerċ, ir-relazzjonijiet umani, ir-rabtiet sħaħ ta’ popli jżidu fid-demokrazija, il-ġid, il-ġustizzja soċjali u l-progress. Meta dan il-proċess uniku jibqa’ lura, allura daqstant ieħor ċiviltajiet bħal tagħna jieqfu.
Il-bniedem huwa importanti jgħix fejn jgħix. M’hemmx dawk li għandhom dritt li jgħixu u oħrajn le. M’hemmx ġustifikazzjoni li wieħed jiddeċiedi li xi ħadd għandu dritt jattakka u joqtol uħud mentri oħrajn huma għalih protetti. F’nuqqas ta’ ġustizzja, kull xenarju dinji jmur lura. Għalhekk nibqgħu nemmnu li mingħajr ġustizzja u paċi ma nistgħux naraw futur sod.
F’kull rokna
Dan deher aktar ċar quddiemi f’dawn il-jiem fil-bnedmin li naf fl-irkejjen kollha ta’ pajjiżna. Kull persuna hija importanti u kull wieħed jrid jiġi rispettat. Ħajtu hija dik li trid tiġi protetta fid-dinjità umana li tixraqlu.
Pożizzjoni li ħafna drabi ninsew. Pożizzjoni li nittraskuraw imma li trid tiġi lura għad-dibattitu u għall-prijorità. Hekk ħassejt u ħsibt waqt li sibt ruħi f’dawn il-jiem nattendi għal żewg funerali. Waqt li f’dan kont il-Gudja f’dan ir-raħal mill-isbaħ u mimli bi bnedmin attivi għal ħajja tal-post, dort madwari f’dan.
Fi ftit jiem ġew imsejħa żewġ persuni li sirt naf mill-viċin tul dawn l-aħħar snin. It-tnejn marbuta flimkien ma’ passat li sawwar pajjiżna. Għax minkejja li għaddew is-snin xorta wieħed irid jirrikonoxxi li dak li ġara fil-5 ta’ Diċembru 1986 kien determinanti biex biddel il-futur ta’ dan il-poplu lejn id-demokrazija, il-paċi u l-istabbiltà.
Jimmy Caruana
Kien jiġi ħu l-persuna li ġie maqtul fil-każin tal-PN fil-Gudja, Raymond Caruana. Kienet ferita fonda li baqgħet ħajja tul ħajtu kollha. Waħda li kienet terġa’ tinfetaħ fid-demm li nxtered u dan kull darba li kull sena l-partit jikkommemorah u jiftakar fih.
Dejjem attent għall-oħrajn u miftuħ għal diversi li kienu jkellmuh biex jifhmu minn dak li għadda. Stmat minn kull persuna fir-raħal b’rispett kbir, ammirazzjoni u fl-istess ħin viċinanza.
Għadhom ċari quddiemi l-passi tiegħu mill-knisja sal-każin akkumpanjat minn martu, hi wkoll mimlija bi ħlewwa kif ukoll dawk li kienu jersqu jkellmuh. Dejjem bi kliem meqjus u bi ħsibijiet preparati. Ma jweġġgħax anki jekk kien fil-fond ta’ qalbu hekk b’għajta li titlob spjegazzjoni lill-istorja.
Kull darba li kellimtu kelli l-pjaċir nagħraf kemm kien bniedem twajjeb li minn fommu ma smajt l-ebda diskors żbaljat. Kellu għaqal uniku li b’mod partikolari l-bnedmin tal-ġenerazzjoni tiegħu f’dak r-raħal għandhom. Miftuħ u b’qalb kbira. Jaf il-valuri u l-prinċipji li sawruhom. Kif kulħadd jiftakar f’qalbu u moħħu kif missierhom fil-funeral tal-għażiż Raymond telgħa biex jaħfer lil min qatel il-mimmi ta’ għajnejh. Insara konvinti u prattikanti.

Anthony Brincat
Ftit warajh miet Anthony Brincat magħruf aktar bħal il-Kobra. Persuni li ċertament Jimmy u hu kienu jafu sew lil xulxin. Bnedmin imsawrin u mbasktin fid-dinja li dan il-post isarraf u jagħti.
Realtà li f’dan missejt meta bdejt niffrekwenta l-każin tal-partit il-Ħadd filgħodu. Fil-bidu kont anki jekk ma jingħadlix insib quddiemi tabella xejn viżibbli li fiha kont indikat bħala l-barrani u t-temporanju. Imma Ħadd wara Ħadd bdejt insir naf lil dawk li jiffrekwentawh u almenu kont ġejt aċċettat.
Fost dawn kien hemm dak li kien jigi indikat bħala sempliċement il-Kobra. Ebda isem jew kunjom sempliċement il-laqam. Kellu moħħ preċiż, b’ilsien li trid tkun attent il-ħin kollu l-aktar fuq il-botti, daqqa biċ-ċajt u daqqa naqra inqas tiegħu. Wieħed li ‘jigdem’ il-kuxjenza tiegħek. Kien ifendi u ridt kull darba nkun preparat mentalment sew għax kull rawnd ma stajtx infalli fih fl-eżami li kien qed isirli.
Ħbiberija
F’dan bnejt fi 12-il-sena ħbiberija partikolari. Kont inħares ’il quddiem li niltaqa’ miegħu aktar u aktar ukoll meta skoprejna li t-tnejn inħobbu l-inbid tajjeb.
Kien jagħti l-opinjoni meqjusa tiegħu bil-metodu partikolari tiegħu. Vuċi tal-poplu veru. Kien dak li kif qrajt f’kitbet Luigi Maria Epicoco jieħu u jagħti parir; “Inżommu għajnejna miftuħin fuq il-preżent; inħallu r-realtà li qed ngħixu tinterrogana; ma nkunux sempliċement preżenti fid-dinja imma għandna nintebħu b’dak li d-dinja qed tgħidilna”.
Fil-każin hu u l-ankra soda l-oħra Horace kienu kapaċi jifhmu u jagħtuk gwida. Jagħrfu dak li huwa awtentiku minn dak li le. Smajt ħafna rakkonti passati imma d-dibattitu kien dejjem f’postu. Jekk jgħaddi argument għall-oħrajn għalih le. Jieħu s-siġġu tan-nofs u b’ferħ dejjiemi jibdel jew iġib il-punt ’il quddiem.
Kellu qalb kbira u miftuħa għal kulħadd b’sentimenti mill-iktar nobbli. Kien jidħol fil-każin f’dan bħal żiffa mimli enerġija. Imħabba għamja lejn familtu u lejn il-karozza speċjali li kellu. Sirna ħbieb u kien f’dan jirnexxilu jiġbidli saqajja tajjeb ħafna. L-aħħar waħda kienet dik marbuta ma’ Sant’Antnin, li statwa tiegħu xtara għax għamel wiegħda jekk jirnexxili nerġa’ niġi elett.
Rabtiet
Pajjiżna huwa mimli fil-fatt bi bnedmin twajba u umli li jaħdmu b’dedikazzjoni ħajjithom kollha anki wara l-età tal-pensjoni. Bnedmin li tħarrku b’direzzjoni waħda lejn il-ġustizzja, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, il-maħfra, l-imħabba u l-ħniena.
Kemm għandna wirt uniku f’dan. Kemm għandna raġunijiet biex inkunu grati lejhom u napprezzawhom. Ċert f’dan li sija Jimmy kif ukoll il-Kobra qed igawdu lil xulxin u l-premju tal-ħajja ta’ dejjem li jixirqilhom. Nittama dejjem li nibqgħu nirrispettaw sew u kif jixraq il-memorja tagħhom anki jekk kif nafu d-dinja tibqa’ għaddejja.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 24 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>