Opinjoni

OPINJONI: Ipokrezija…

Huma l-MEPS Nazzjonalisti l-uniċi Deputati Maltin fil-Parlament Ewropew li qed niddefendu l-ħajja mhux biss bil-kliem imma b’mod konsistenti

David Casa
Il-Kap tar-Rappreżentanti MEPs Nazzjonalisti
fil-Parlament Ewropew

Fil-jiem li għaddew – f’temp ta’ ġimgħa – it-tliet Deputati Ewropej Laburisti darbtejn ivvotaw favur l-abort waqt is-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew, fi Strasburgu.
L-Erbgħa, waqt vot ippresedut mill-President Robert Metsola, it-tliet MEPs Laburisti vvutaw favur rapport li jappoġġja d-dħul tal-abort bħala dritt fundamentali Ewropew, kunċett li mhux biss jikser il-prinċipji tal-protezzjoni tal-ħajja, imma li jimmina l-kunċett tas-sussidjarjetà u t-trattat ta’ bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.
It-test “jitlob li l-aċċess għal abort sikur u legali jiġi minqux fil-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE]”.
Jien nirreaġġixxi minnufih għal dan kollu u nenfasizza li l-Labour, f’salt wieħed, qiegħed jipprova jdaħħal miżuri tal-mewt f’pajjiżna, għaliex f’Malta jgħid mod, u fil-Parlament Ewropew jaġixxi favur il-qtil tal-ħajja.
Sentejn ilu, il-Gvern Laburista kellu jirtira l-isforzi tiegħu li jdaħħal l-abort f’pajjiżna kontra r-rieda tal-poplu u wara affaċċja protesti kbar fil-konfront tiegħu.
Tajjeb li hawn hekk inwissi li dak li ma rnexxielhomx jagħmlu fil-Parlament Malti, tal-Labour qegħdin jippruvaw jagħmluh bil-moħbi fuq livell Ewropew. Imma se jsibu lilna nieqfulhom. Mhumiex se jirnexxielhom. L-abort kien u għadu kompetenza tal-poplu Malti u l-poplu diġà tkellem fuq dan is-suġġett.
Min-naħa tagħna, l-MEPs Nazzjonalisti, aħna l-uniċi Deputati Maltin fil-Parlament Ewropew li qegħdin niddefendu l-ħajja mhux biss bil-kliem imma b’mod konsistenti bil-vot tagħna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħadd 22 ta’ Ġunju, 2025.