Sport Waterpolo

San Ġiljan jibdew b’rebħa fil-Kampjonat Premier… il-mument pożittiv ta’ Ta’ Xbiex ikompli fl-Ewwel Diviżjoni

SAN ĠILJAN MAA DAIKIN….. 11

EXILES WELBEE’S………………… 10

(5-2), (3-3), (0-2), (3-3)

Bidu pożittiv fil-Kampjonat Premier għal San Ġiljan MAA Daikin minkejja sfida denja minn Exiles Welbee’s. Wieħed ma jridx jinsa l-fatt li l-Ġiljaniżi kellhom neqsin lil Ben Plumpton u Jeremy Abela kif ukoll lill-captain Matthew Zammit li għadu mhux fl-aħjar kundizzjoni. Għal Exiles dan kien ritorn fil-Kampjonat Premier fl-istaġun tas-sajf wara nuqqas ta’ żewġ staġuni.

Exiles wieġbu darbtejn wara l-gowls ta’ Nikolai Zammit u Nico Schiavone sakemm tliet gowls konsekuttivi taw vantaġġ ta’ 5-2 lil San Ġiljan fl-ewwel sessjoni. Sa tliet minuti minn tmiem it-tieni sessjoni, it-tim ta’ Giannis Katasaounis kellu vantaġġ ta’ 7-3 madankollu gowls minn Kanstantin Averka u Keith Tanti daħħlu lil Exiles fil-logħba.

Il-gowl ta’ Darren Zammit lejn tmiem it-tieni sessjoni deher li reġa’ ta stabbiltà lit-tim Ġiljaniż iżda hawn reġgħet spikka d-determinazzjoni ta’ Exiles għaliex fit-tielet sessjoni naqqsu d-distakk għal 8-7 b’gowls ta’ Zak Micallef u ż-żagħżugħ Giancarlo Gatt.

Kollox kellu jkun deċiż fl-aħħar sessjoni. Hawn spikkat l-esperjenza ta’ San Ġiljan li kmieni fis-sessjoni skorjaw darbtejn u reġgħu bnew vantaġġ ta’ tliet gowls. Huma żammew dan id-distakk sa żewġ minuti mit-tmiem sakemm Averka naqqas id-distakk għal 11-9 u daħħal ftit inċertezza. Madankollu ma kienx għad fadal biżżejjed ħin biex Exiles jevitaw it-telfa, bil-gowl fl-aħħar sekonda ta’ Dominique Zahra jasal tard wisq.

San Ġiljan: J. Tanti, D. Bugeja (1), D. Tully (1), R. Caruana, A. Younger (4), M. Zammit, J. Bonavia, N. Zammit (2), D. Zammit (1), N. Schiavone (1), Z. Attard, G. Bonavia (1)

Exiles: A. Borg Cole, G. Gatt (2), Z. Micallef (1), D. Pace Lupi, T. Agius, M. Martellacci (1), M. Fenech, K. Griscti, K. Averka (4), K. Tanti (1), K. Navarro, D. Zahra (1), G. Galea Curmi, L. Hyzler

Referees: Stefan Licari, Mattia Gomez

KAMPJONAT BOV I DIVIŻJONI

BIRŻEBBUĠA ASC…………. 12

TA’ XBIEX AMIGOS………… 14

(4-3), (2-4), (4-3), (2-4)

Wara r-rebħ tal-Meridianbet Cup fl-aħħar jiem, Ta’ Xbiex Amigos komplew bis-sensiela pożittiva u fetħu l-Ewwel Diviżjoni b’rebħa importanti ta’ 13-12 kontra Birżebbuġa. Protagonist għal Ta’ Xbiex reġa’ kien Roko Pelicaric, bit-tim żagħżugħ jidher li qed jissoda taħt it-tmexxija ta’ Sergio Afric.

Wara li Roko Pelicaric kien ta vantaġġ doppju lil Ta’ Xbiex, Birżebbuġa dawru r-riżultat u marru 3-2 minn fuq, distakk li żammewh sa tmiem l-ewwel sessjoni. Botta u risposta kkaratterizzat it-tieni sessjoni. Ta’ Xbiex ħadu vantaġġ ta’ 5-4, Max Aquilina u Mikhael Cutajar reġgħu poġġew lil Birżebbuġa minn fuq sakemm Ta’ Xbiex daħlu jistrieħu 7-6 fil-vantaġġ b’żewġ gowls oħra.

Reazzjoni minn Birżebbuġa li fit-tielet sessjoni fetħu vantaġġ ta’ 9-7 sakemm rimonta minn Ta’ Xbiex wasslet biex it-tim ta’ Sergio Afric mar 10-9 minn fuq. Għalkemm Birżebbuġa reġgħu dawru r-riżultat, it-tliet gowls konsekuttivi ta’ Ta’ Xbiex fl-aħħar sessjoni fissru t-tliet punti. Lejn nofs l-aħħar sessjoni, iż-żewġ timijiet fallew diversi opportunitajiet ta’ skor li kienu jwasslu għar-rebħa.

Birżebbuġa: M. Sladden, M. Aquilina (3), M. Cassar, N. Bursac (3), J. Ciantar (1), L. Axisa, J. Abdilla, N. Saliba (1), D. Farrugia, M. Cutajar (1), M. Mannino (1), N. Bugelli (1), S. Livori, J. Saliba (1)

Ta’ Xbiex: T. Schembri, J. Farrugia (1), A. Camenzuli, L. Grech Carr (2), T.J. Mifsud, M. Manara (1), F. Scardino, R. Pelicaric (7), N. Bonavia (2), J. Culic, Z. Bartolo, A. Formosa, A. Theuma, S. van Wyk (1)

Referees: Juana Cauchi, Antonio Guarracino

Riżultati

L-Ewwel Diviżjoni: Barracudas v Marsaskala 15-17, Birżebbuġa v Ta’ Xbiex  12-14

Kampjonat Premier: San Ġiljan v Exiles 11-10

Logħob li jmiss

L-Erbgħa 25 ta’ Ġunju 2025

L-Ewwel Diviżjoni: Marsaxlokk v Otters 6.15pm

Kampjonat Premier: Neptunes v Valletta 7.30pm, Sliema v Sirens 8.45pm