Lokali

“Tlift biċċa minni” – omm iċ-ċkejken Zaylen

“Kif se ngħix mingħajrek. Inħossni li tlift biċċa minnek”.

Hekk iddikjarat omm iċ-ċkejken Zaylen l-għada tat-traġedja li seħħet f’Baħar iċ-Ċagħaq – traġedja li fiha tilef ħajtu dan it-tifel ta’ 6 snin, li għereq f’pool privata.

Francesca, omm Zaylen, iddeskriviet lil binha bħala tifel enerġetiku u li kellu karattru ħelu wisq.

Bla dubju, kien jinħass sew is-sens ta’ xokk fil-kliem li kitbet fuq Facebook. “Int anġlu fis-sema. Ma nistax nemmen. Ma niflaħx nikteb aktar”.

Diversi sorsi qed jgħidu li t-Tnejn saret l-awtopsja fuq it-tifel u li l-katavru tiegħu ġie rrilaxxat għad-difna.

Jirriżulta wkoll li l-Pulizija stabbilixxew id-dinamika ta’ kif seta’ żviluppa dan il-każ; partikolarment l-aħħar movimenti tat-tifel, u minn fejn seta’ daħal fil-villa – biex aċċessa l-pool.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ġie infurmat b’dan il-każ u qed imexxi inkjesta.