Lokali Qorti

“Dragomanski ma kienx preżenti għal-laqgħat dwar is-serqa f’Tas-Sliema li spiċċat bi qtil doppju”

“Viktor Dragomanski dejjem kien konsistenti kull meta ġie interrogat mill-Pulizija u ma kienx preżenti għal laqgħat li saru bejn Muka u Kristiansen dan għaliex kien jingħata informazjoni minima.”

Sostna dan l-Avukat Josè Herrera li qed jidher għal Viktor Dragomanski hekk kif matul il-jum tal-Erbgħa bdew is-sottomissjonijiet tad-difiża b’rabta mal-ġuri tal-qtil doppju li seħħ f’Tas Sliema f’Awwissu tal-2020.

Hekk kif il-ġuri issa daħal fid-disa’ jum tiegħu l-akkużat Daniel Muka kompla joħloq il-problemi dan hekk kif malli bdiet is-seduta huwa qal li se jfixkel il-proċeduri jekk jibqa’ fl-awla u kien għalhekk li fuq ordni tal-Imħallef Natasha Galea Sciberras, Daniel Muka ittieħed f’kamra oħra.

Dan filwaqt li Daniel Muka kompla jinsisti li m’għandux avukat jiddefendieh għaliex huwa ma jridx Avukat tal-għajnuna legali.

Meta l-Avukat Josette Sultana ġiet mistoqsija jekk Muka hux se jkun qed jixhed f’dan il-ġuri hija qalet le dan filwaqt li spjegat li ma tistax tagħmel id-difiża tagħha hekk kif Muka kompla jinsisti li jrid l-Avukat tiegħu.

Minn naħa tiegħu l-Avukat Josè Herrera qal li Dragomanski mhux se jkun qiegħed jixhed f’dan il-ġuri u mbagħad beda jippreżenta s-sottomissjonijiet tiegħu. Fil-Qorti huwa spjega li Dragomanski dejjem kien konsistenti waqt l-interrogazzjonijiet u dejjem ippreżenta verżjoni bil-fatti.

Huwa rrimarka li mix-xhieda tal-prosekuzzjoni ġie żvelat li fil-ħin tad-delitt huwa kien fil-karozza u għalhekk żgur li ma kienx hu li spara t-tiri. Iżda fl-istess waqt qal ukoll li għalkemm il-klijent tiegħu kellu livell ta’ parteċipazzjoni f’ċertu akkużi, huwa innoċenti f’akkużi oħra,

Apparti minn hekk l-Avukat Herrera qal ukoll li Muka u Kristiansen kienu jintaqgħu ta’ spiss u jiddiskutu s-serqa dan apparti li s-serqa saret fuq suġġeriment ta’ Muka. Huwa spjega wkoll li Muka u Kristiansen kienu jafu liem dar se jisirqu u kemm-il darba marru fuq il-post.

Huwa fakkar li fuq mistoqsija li kienet saret lil Kristiansen dwar jekk kieku Dragomanski ma marx magħhom għas-serqa x’kien jiġri huwa qal li dakinhar Jesper kien qal li is-serqa kienet issir xorta.

Il-Prosekuzzjoni fil-ġuri qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Joe Giglio u Michaela Giglio qed jidhru għall-qraba taż-żewġ vittmi. L-Avukat Josette Sultana qed tidher għal Muka filwaqt li l-Avukati Josè Herrera u Alex Scerri Herrera qed jidhru għal Dragomanski.