Lokali

Il-karba ta’ omm Zaylen: “Il-pool kienet ilha biss 15-il jum mimlija”

Wara t-traġedja li seħħet nhar il-Ħadd li għadda f’Baħar iċ-Ċagħaq, il-familja taċ-ċkejken Zaylen qed tinsisti li t-tifel daħal f’din il-propjetà għaliex kienet aċċessibbli faċilment. Bil-pool kienet għadha kif imtliet ħmistax-il jum biss qabel ġara dan il-każ devastanti.

Dawn id-dettalji ġodda ngħataw minn Francesca, omm Zaylen, u miz-zija tat-tifel Dorothy, li tkellmu ma’ Net News f’intervsita estensiva.

Fl-ewwel kummenti tagħhom lill-midja, Francesca u Dorothy spjegaw li l-pool sa ftit ilu kienet għadha vojta, u li sal-jum li fih seħħet it-traġedja lanqas kienu jafu li hemm pool f’din il-propjetà – li tinsab ftit għelieqi ‘l bogħod mill-għalqa tal-familja tagħhom.

“Sid il-villa kien imsiefer. U aħna għandna video li juri biċ-ċar kemm hija aċċessibbli din il-villa”, qaltilna Dorothy.

Il-familja tkellmet fit-tul dwar il-kummenti iebsin li kitbu ħafna nies fuq il-mezzi soċjali; kummenti li komplew kabbru t-trawma li għaddejjin minnha.

Intant, huma fissru kif se jagħmlu minn kollox biex il-memorja ta’ Zaylen tibqa’ ħajja. Fil-fatt, flimkien mal-iskola Hand in Hand se jkunu qed jinawguraw ġnien dedikat għal dan it-tifel.

Għal dan il-għan, se jkun qed jinfetaħ ukoll kont bankarju.