Internazzjonali

In-NATO: L-Istati se jżidu n-nefqa fuq id-difiża u s-sigurtà għal 5 fil-mija tal-GDP (sal-2035)

Is-summit għall-Istati-membri tan-NATO intemm f’The Hague u li fih spikka l-impenn storiku biex in-nefqa ta’ kull pajjiż fuq id-difiża u s-sigurtà titla’ għal 5 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) sal-2035.

Dan fid-dawl tal-isfidi kbar li l-Alleanza qed tiffaċċja fuq livell ġeopolitiku u meta t-theddida għall-Ewropa mir-Russja ta’ Vladimir Putin għadha reali u, fl-istess ħin, imprevedibbli.

L-impenn attwali tal-pajjiżi rigward l-investimenti fid-difiża għadu ekwivalenti biss għal tnejn fil-mija tal-GDP – b’numru ta’ Stati tan-NATO lanqas ma jilħqu t-tragward matul is-sena li għaddiet.

Intant, l-Istati-membri, permezz ta’ stqarrija bl-isem ‘The Hague Declaration’, ikkonfermaw ‘l-impenn sagrosant għal sistema ta’ difiża kollettiva’ elenkata minn Artiklu 5 tat-Trattat ta’ Washington.

L-artiklu jisħaq biċ-ċar li attakk militari fuq xi pajjiż membru tal-Alleanza għandu jitqies bħala azzjoni ostili kontra l-Istati-membri kollha tan-NATO.

L-impenn tal-pajjiżi biex iżidu b’aktar min-nofs l-ispiża għad-difiża u s-sigurtà ntlaħqet wara li l-President Amerikan, Donald Trump, esprima dubji dwar il-kunċett tad-difiża kollettiva.

Trump, fl-istess ħin, mhu kuntent xejn bil-fatt li Spanja, qabel is-summit, kisbet eżenzjoni mit-tragward ambizzjuż għall-qabża sinifikanti fl-iffinanzjar tad-difiża mill-GDP. Il-Prim Ministru Soċjalista Spanjol, Pedro Sanchez, qal, intant, li pajjiżu jista’ iżid biss din in-nefqa għal 2.1 fil-mija tal-GDP ‘u xejn aktar’.

Madankollu, l-Istati kollha tan-NATO jidhru determinati li jikkontribwixxu għal Alleanza ‘aktar b’saħħitha u effettiva’ fid-dawl tat-theddid fuq livell internazzjonali.

Sadanittant, ir-Renju Unit għandu jipprovdi ‘mijiet ta’ missili aktar’ għall-protezzjoni tal-Ukrajna…Missili li se jkunu finanzjati bil-flus iġġenerati mill-assi friżati tar-Russja.

U wara s-summit, il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, qal li r-Renju Unit qed jieħu b’serjetà kbira t-theddid ‘fuq livell ta’ Stat’ għas-sigurtà tiegħu – u meta hu kien qed jindika biċ-ċar għat-Tmexxija f’Moska.

Fl-istess ħin, id-dikjarazzjoni finali wara s-summit ta’ The Hague  ma inkludietx messaġġ ta’ kundanna għar-Russja….Intant, in-NATO pruvat twassal il-messaġġ li ‘kienet, għadha u se tibqa’ kontra l-invażjoni tal-artijiet Ukreni mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin’.

Il-Mexxejja tan-NATO, fl-istess ħin, qablu dwar ‘is-sens ta’ determinazzjoni ( waqt is-summit) biex jiżdiedu l-isforzi li jistgħu jipperswadu lill-President Putin biex jissieħeb fin-negozjati għal waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna ‘mingħajr l-ebda kundizzjonijiet’.