Internazzjonali

Kenja: Rabja għall-President fost il-vjolenza f’Najrobi

L-għadab għall-President tal-Kenja, fl-aħħar sigħat, żbroffa fil-battalji fit-toroq bejn l-eluf tad-dimostranti u l-pulizija — b’għexieren ta’ nies jisfaw midruba u arrestati. Dan ukoll fost ir-rapporti dwar il-qtil ta’ xi persuni waqt il-protesti li kienu għaddejjin fil-belt ta’ Matuu.

Id-dimostranti qed jinsistu għar-riżenja immedjata ta’ William Ruto minn President, li, min-naħa tiegħu, ħareġ direttivi ‘ċari’ lill-pulizija biex jieħdu kull pass neċessarju fl-interessi tas-sigurtà. Il-President anki impenja ruħu għall-‘protezzjoni taċ-ċittadini’ waqt l-eqqel tal-kriżi li għadha f’sitwazzjoni fluwida.

Spikkaw l-aktar id-dimostrazzjoni rabbjużi, karatterizzati bil-vjolenza, fit-toroq ta’ Najrobi, il-kapitali tal-Kenja…Xeni li rripetew ruħhom f’diversi bliet oħra ta’ dan il-pajjiż Afrikan.

Sadanittant, il-Gvern ħareġ direttivi biex l-istazzjonijiet tal-media ma jxandrux dirett l-iżviluppi allarmanti fit-toroq, b’diversi stazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni jwaqqfu l-iskedi tx-xandir.

Il-periklu għall-pubbliku, intant, kien imfisser bħala ‘sostanzjali’, bl-iskejjel u l-ħwienet f’Najrobi ma jiftħux minħabba l-potenzjal li jisfaw mira għall-azzjonijiet vjolenti.

Dan waqt li l-pulizija fil-kapitali wissew lid-dimostranti li lesti biex iwieġbu ‘bil-forza kollha’ għal kwalunkwe attentat tan-nies biex jassedjaw lill-bini tal-Presidenza u l-kumpless tal-Parlament.

Fl-istess ħin, il-President Ruto appella lid-dimostranti biex ma jheddux il-paċi u l-istabbilità tal-Kenja. Ruto, fl-aħħar sigħat, ma kienx preżenti f’Najrobi, fejn kienu qed jinġabru aktar folol taż-żgħażagħ li komplew jinsistu għall-bidla fit-tmexxija ta’ pajjiżhom.