Internazzjonali

L-Iran: Indikazzjonijiet li l-attakk bil-B2s ma kienx daqstant effettiv….bi Trump iwieġeb li ‘tefa’ lura l-programm nukleari ta’ Tehran b’għexieren ta’ snin’

Il-kredibbiltà tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, sofriet daqqa ta’ ħarta wara li rapport sigriet żvela li l-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa mill-qawwiet tal-ajru Amerikani fuq il-faċilitajiet nukleari tal-Iran ma ħalliex l-effett diżastruż li l-istess Trump ilu jiftaħar bih.

Dan il-leak, intant, hu embarazzanti għal Washington u s-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Pete Hegseth, qal li l-aġenti tal-FBI kienu qed ifittxu s-sorsi wara  din l-informazzjoni.

L-indikazzjonijiet, issa, huma li l-attakki bis-stealth bombers B2 fuq il-faċilitajiet ta’ Fordow, Natanz u Isfahan servew biex jitfgħu lura l-programm nukleari tal-Iran bi ftit xhur biss.

Min-naħa tiegħu Donald Trump qed ikompli jirrepeti l-istqarrija tal-Ħadd, bl-appoġġ tal-uffiċjali ewlenin tal-Gvern… Stqarrija fis-sens li l-bombi tat-tip bunker-busting li tefgħu l-ajruplani B2 ‘qerdu kważi għal kollox lill-faċilitajiet inkwistjoni.’

Trump qed jisħaq li l-attakki mill-ajru tal-Istati Uniti tefgħu lura l-programm atomiku tal-Iran b’għexieren tas-snin u bis-Segretarju Hegseth, fl-aħħar sigħat, itenni li r-rapport  tas-sitwazzjoni mill-Pentagon ta’ Washington ‘ma kienx konvinċenti’.

Madankollu, diversi analisti jemmnu li l-Iranjani laħqu trasferew ħafna mill-materjal nukleari tagħhom lejn lokalitajiet oħra sigrieti minn ħafna qabel il-bombi tal-Amerikani niżlu fuq is-siti ta’ Fordow, Natanz u Isfahan.

Lanqas mhu eskluż li l-ajruplani B2 fallew milli jeqirdu lis-centrifuges tal-Iranjani għall-irraffinar tal-uranjum….Materjal li – wara l-ipproċessar dovut ==  jista’ ikun inkorporat fil-warheads nukleari tal-missili.

Kien hemm ukoll sorsi importanti oħrajn li qablu li r-rejds tal-Amerikani ma eliminawx il-ħażniet tal-uranjum irraffinat tal-Iran.

Skont il-leak, l-attakk fuq il-faċilitajiet ta’ Fordow u Natanz naqas milli jeqred l-istrutturi li jinsabu għexieren tal-metri taħt l-art. Dan waqt li s-sorsi wissew li l-evalwazzjonijiet bikrija u mgħaġġlin – inklużi l-istqarrijiet ta’ Trump jistgħu ma jrriflettux il-verità tas-sitwazzjoni.

Għaldaqstant, huma appellaw biex ‘il-partijiet interessati jistennew għal aktar dettalji u informazzjoni dwar l-impatt tal-attakki fuq il-faċilitajiet tal-Iran.

Is-sinjali huma l-leak ta’ informazzjoni kien ġej mid-Defense Intelligence Agency tal-Pentagon li jispeċjalizza fil-ġbir ta’ data relatata mal-militar u aspetti oħra sigrieti minn aspett tekniku. Fl-istess ħin, din l-aġenzija hi entità distinta minn aġenziji sigrieti oħrajn bħas-CIA.

U meta, sigħat ilu, wieġeb għall-mistoqsija jekk ‘l-Istati Uniti għandhiex tkun lesta biex tattakka mill-ġdid lill-Iran f’każ li Tehran ikompli bl-attivitajiet nukleari’, il-President qal li ‘hu wkoll lest għal din l-azzjoni’. Imbagħad hu, sekondi wara, tenna li ‘mgħandux għalfejn jinkwieta dwar sitwazzjoni bħal din peress li l-Iranjani tilfu l-kapaċitajiet (nukleari) tagħhom għal ħafna snin’.

Fl-istess ħin, il-President Trump qed iqabbel l-attakk ta’ tmiem il-ġimgħa fuq il-faċilitajiet tal-Iran mal-attakki bil-bombi atomiċi li l-Amerikani, fl-1945, kienu wettqu fuq l-ibliet Ġappuniżi ta’Hiroshima u Nagasaki….Azzjonijiet devastanti u storiċi li effettivament ġabu fi tmiem il-konflitt tal-Paċifiku —  u miegħu l-aħħar fażi tat-Tieni Gwerra Dinjija,.

‘Ma rridx nuża lil Hiroshima u Nagasaki bħala eżempji iżda l-azzjonijiet kollha, flimkien, kellhom l-istess għan li jikkonkludu gwerra’, tenna Trump.

Fl-istess ħin, il-President Amerikan kien qed jidher viżibbilment irrabjat dwar il-leak, waqt li s-Segretarju Hegseth u s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio komplew jesprimu xettiċiżmu dwar ‘kemm l-informazzjoni kienet preċiża’.

Hegseth enfasizza li dan il-leak kien ‘motivat minn sens politiku’ u li l-bombi tal-B2s kienu niżlu ‘fil-postijiet eżatt li riedu l-Amerikani’.