Lokali

Metsola tilqa’ lill-fundatur tal-Microsoft Bill Gates

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet lil Bill Gates fi Brussell nhar it-Tlieta filgħaxija għal diskussjoni ta’ livell għoli dwar is-saħħa globali, l-inugwaljanza, u l-isfidi fit-tul li qed jiffaċċjaw il-popli Ewropej.

Bill Gates żar il-Parlament Ewropew biex jiddiskuti l-isforzi kontinwi tal-Fondazzjoni Gates u kif l-Ewropa tista’ ssaħħaħ ir-rwol tagħha fis-saħħa globali permezz l-użu tal-intelliġenza artifiċjali.

Il-President Metsola qalet, “Kuntenta li iltqajt lil Bill Gates fil-Parlament Ewropew, biex nitkellmu dwar ix-xogħol inkredibbli tal-Fondazzjoni Gates u kif nistgħu naħdmu aktar mill-qrib flimkien biex insalvaw il-ħajjiet, niġġieldu l-inugwaljanzi u nindirizzaw l-isfidi interġenerazzjonali.”

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista żiedet tgħid li tinsab “grata għall-impenn personali tiegħu u tal-fondazzjoni tiegħu lejn it-titjib tal-ħajjiet tan-nies madwar id-dinja.”

Metsola enfasizzat ukoll ir-rwol ewlieni tal-fondazzjoni fl-avvanz tar-riżultati fil-qasam tas-saħħa u qalet li rabtiet aktar b’saħħithom ma’ inizjattivi bħal dik li hemm mal-Fondazzjoni Gates jistgħu jgħinu lill-Ewropa tibqa’ mexxejja fis-saħħa globali.

Bill Gates huwa imprenditur, żviluppatur tas-software, u filantropu Amerikan li waqqaf il-kumpanija ewlenija fil-qasam tat-teknoloġija Microsoft, l-akbar kumpanija tas-softwer tal-kompjuters personali fid-dinja. Huwa magħruf ukoll għax-xogħol umanitarju globali tiegħu permezz tal-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates, li tiffoka fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, u t-tnaqqis tal-faqar.