Lokali

Mingħajr idea kif se jindirizzaw l-għoli tal-ħajja

Huwa fatt li hemm element ta’ inflazzjoni; u allura, fi kliem sempliċi, huwa fatt li l-familji qed jaffaċċjaw żieda kontinwa fil-prezzijiet.

Dan huwa l-kliem li stqarr il-Ministru Michael Falzon mal-mikrofonu ta’ Net News meta mistoqsi kemm hi r-rata tal-għoli tal-ħajja, hekk kif hu wkoll – bħall-Prim Ministru u l-Ministri l-oħra sħabu – naqas milli jwieġeb kemm hi eżatt din ir-rata tal-inflazzjoni.

Ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta matul ix-xahar li għadda  kompliet tiżdied għall-2.7% – rata li taqbeż dik tal-Irlanda, Spanja, l-Italja, Ċipru, is-Slovenja u anka l-Portugall.

Apparti minn hekk, ir-rata hija ogħla mill-medja Ewopea li hi ta’ 2.2% u ferm iktar ogħla miz-Zona Ewro fejn ir-rata hija ta’ 1.9%

Iżda fid-dawl ta’ dan kollu, il-Ministru Falzon lanqas biss seta’ jsemmi miżura waħda li l-Gvern lest jieħu biex jindirizza din ir-realtà. Hekk kif evidentament dawk diġà implimentati mhux iħallu riżultati pożittivi.

Mistoqsi, għalhekk jekk hux se jagħti garanzija li r-rata tal-għoli tal-ħajja tistax tibqa’ titniżżel… il-Ministru naqas ukoll milli jagħmel dan. Biex b’hekk ħalla lampa stampa lil dawk kollha li mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar minħabba l-prezzijiet li qed ikompli jiżdiedu speċjalment tal-affarijiet bażiċi.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Partit Nazzjonalista ppreżenta diversi proposti li jindirizzaw l-għoli tal-ħajja, fosthom żieda fid-dħul disponnibli għall-familji – proposta li ntlaqgħet tajjeb anka mill-Malta Employers. Dan, apparti proposti dwar appoġġ lin-negozji u t-tneħħija tat-taxxa fuq il-COLA.