Lokali

“Nemmen fis-soluzzjoni diplomatika u d-djalogu” – L-Ambaxxatur Iżraeljan f’Malta

Għandna bżonn nisimgħu mill-ħabib tagħna l-President Donald Trump; jiena bniedem pożittiv u nibqa’ nemmen fis-soluzzjoni diplomatika u d-djalogu sabiex jintemm dan il-kunflitt bejn Iżrael u l-Iran…li issa ilu għaddej mir-revoluzzjoni Iżlamika tal-1979.

Sostna dan ma’ Net News l-Ambaxxatur Iżraeljan f’Malta Zeev Boker li proprju wasal fl-aħħar jiem tal-karriera diplomatika tiegħu. Huwa insista li Iżrael ma jixtieq ebda kunflitt fil-konfront tal-Iran madanakollu huma l-Iranjani fundamentalisti nfushom li tul dawn is-snin kollha ħalfu li jeqirdu lil Iżrael…tant li f’nofs pjazza f’Tehran għamlu countdown għal meta Iżrael tieqaf teżisti.

Boker saħaq li l-Iran marru kontra l-ftehim nukleari u rnexxielhom jiksbu 50 kilogramma uranju lesti biex jużawhom militarment, apparti wkoll li żdiedu l-investiment fl-armi balistiċi fosthom missili. Huwa spjega li mhux biss Iżrael jinsab fil-periklu, iżda l-bqija tal-Ewropa kollha.

Zeev Boker sostna li quddiem dan kollu l-Iżraeljani ma setgħux jibqgħu jħarsu u kellhom jaġixxu għaliex kienu qed iħabbtu wiċċhom ma theddida eżistenzjali wara li l-Iranjani nstabu bi ksur tal-ftehim nukleari.

L-Ambaxxatur saħaq li l-Iżraeljani huma konxju tal-prezz li kellhom iħallsu għaliex fl-aħħar ġimgħat l-Iran deher li kien ippreparat militarment tant li l-bumbardamenti mill-ajru ma waqfux. Madanakollu huwa faħħar ix-xjentisti u d-difiża Iżraeljana li qed ittaffi ħafna mill-ħsara u fatalitajiet li jistgħu jkunu agħar.

Mistoqsi dwar l-aħħar dikjarazzjonijiet tal-President Amerikan Donald Trump fejn bi kliem iebes qal li la l-Iran u lanqas Iżrael ma jafu x’inhuma jagħmlu meta kisru l-ftehim mill-waqfien mill-ġlied, Boker sostna li kienu l-Iranjani li marru kontra l-ftehim filwaqt li ddeskriva lil Trump bħala ħabib kbir tal-Iżrael iżda filwaqt li jifhem il-pożizzjoni tiegħu, għandu jifhem l-inkwiet tagħhom ukoll.

Intant, huwa sostna li jittama li l-Iranjani jieqfu kompletament jinvestu fin-nuklear darba għal dejjem u li jaslu għal dan mhux bil-gwerra imma bid-diplomazija. U għaldarb’oħra insista li Iżrael m’għandu xejn kontra l-Iranjani.