Sport Waterpolo

Neptunes tħabtu għat-tliet punti u faċli għal Sliema… Marsaxlokk jirbħu fl-Ewwel Diviżjoni

NEPTUNES BEST GYMS…………. 16

VALLETTA PEAK INSURANCE… 11

(5-2), (3-3), (3-6), (5-0)

Neptunes Best Gyms Malta tħabtu aktar milli mistenni iżda finalment ħadu li riedu. Il-prestazzjoni ta’ Valletta kienet pożittiva meta wieħed iqis id-differenza bejn iż-żewġ timijiet u kien biss fl-aħħar sessjoni li ċedew l-armi.

Il-bidu kien inkoraġġanti għal Neptunes li permezz ta’ gowl ta’ Stevie Camilleri u doppjetta ta’ Gergo Zalanki fetħu distakk ta’ tliet gowls, liema distakk baqa’ sa tmiem l-ewwel sessjoni. Valletta naqqsu d-distakk għal 5-4 fis-sessjoni sussegwenti iżda Neptunes reġgħu wieġbu u daħlu jistrieħu 8-5.

Ħafna ħasbu li Neptunes kien se jagħlqu l-logħba fit-tielet sessjoni iżda Valletta kellhom ħsibijiet. Immedjatament naqqsu d-distakk għal 8-7 u b’doppjetta ta’ Matthew Chircop ġabu d-draw 10-10. Matthias Azzopardi ħalla lil Neptunes gowl vantaġġ iżda Nagaev wieġeb.

Madankollu fl-aħħar sessjoni spikkat il-kwalità ta’ Neptunes u l-għejja fit-tim Belti, bit-tim ta’ Aleksander Ciric skorja ħamsa mingħajr risposta fosthom tripletta ta’ Gergo Zalanki.

Neptunes: M. Castillo, S. Gialanze (2), G. Zalanki (6), L. Mallia, J. Camilleri (1), J. Valletta, S. Camilleri (5), M. Castillo, B. Schranz, J. Bajada, A. Fenech, M. Azzopardi (1), M. Rossi, E. Mallia (1)

Valletta: A. Bugeja, M. Mifsud (2), M. Carani, J. Sciberras, S. Busuttil, J. Colombo, M. Zammit (2), I. Nagaev (4), K. Borg (1), K. Erdogan, M. Chircop (2), K. Cremona, G. Borg

Referees: Massimo Angileri, Mattia Gomez

SLIEMA FRANK SALT………….. 20

SIRENS BUILD FITNESS………. 12

(6-2), (2-5), (5-2), (7-3)

Sliema Frank Salt bdew jiddefendu l-kampjonat b’rebħa fuq Sirens Build Fitness. Ir-rebħa għas-Slimiżi kienet faċli hekk kif dejjem kienu fil-vantaġġ u kmandaw l-andament tal-logħba b’eċċezzjoni għal mument fit-tieni sessjoni. Sirens stenbħu tard u wara li daħlu fil-logħba, ma tejbux il-prestazzjoni meta l-aktar kien hemm bżonn.

Sliema ma setax kellhom bidu aħjar b’ħames gowls konsekuttivi li waslu minn ħames plejers differenti. Din kienet doċċa kiesħa għal Sirens iżda ftit ftit bdew jirkupraw. Matthew Sciberras u Jake Cachia naqqsu d-distakk għal 5-2 sakemm Angelos Vlachopulos żied ieħor għal Sliema u Jayden Cassa kabbar il-vantaġġ fil-bidu tat-tieni sessjoni. Hawn bdiet ir-rimonta ta’ Sirens li l-ewwel resqu 7-5 u wara li Jayden Cutajar skorja għal Sliema, il-Kanadiż Nicolas Bicari skorja doppjetta biex niżżel id-differenza għal gowl biss.

It-tim ta’ Ranko Perovic naqas li jibni fuq it-tieni sessjoni, kienu ftit perikolużi għal-lasta ta’ Benji Busuttil u sofrew tliet gowls biex reġgħu tbiegħdu minn mal-avversarji. Il-logħba kompliet tkun għat-telgħa meta Nicolas Bicari ġie eskluż għat-tielet darba fil-logħba bi tliet minuti għal tmiem is-sessjoni.

Sliema: N. Grixti, E. Schembri (5), L. Galea (1), J. Gambin (1), J. Cassar (1), B. Cachia (2), J. Cutajar (2), D. Rizzo (1), J. Chircop, A. Galea (1), A. Vlachopulos (5), D. Zammit, B. Busuttil, S. Engerer (1)

Sirens: J. Parnis, P. Serracino, N. Bicari (3), P. Borg (1), J. Cachia (2), K. Agius (2), M. Ortoleva, I. Riolo, J. Zerafa Gregory (1), M. Sciberras (1), Z. Mizzi (1), G. Farrugia, M. Bonello DuPuis, G. Pace (1)

Referees: Alex de Raffaele, Antonio Guarracino

L-EWWEL DIVIŻJONI

MARSAXLOKK MFF………. 19

OTTERS NIVEA……………… 17

(6-5), (7-4), (4-2), (2-6)

Tliet punti għal Marsalxokk MFF f’logħba li kkontrollaw ħafna minnha. Iż-żewġ timijiet telgħu ma’ xulxin fl-ewwel sessjoni b’Marsaxlokk jieħdu vantaġġ minimu b’gowl ta’ Nikola Bogdanovic nofs minuta mit-tmiem. Dan il-vantaġġ immatura għal tlieta fil-bidu tat-tieni sessjoni u minkejja li Drasko Gogov naqqas id-distakk, sensiela oħra ta’ tliet gowls konsekuttivi wassal biex Marsaxlokk bnew vantaġġ ta’ 11-6 sa nofs it-tieni sessjoni.

Minn hemm il-logħba ħadet xejra differenti hekk kif id-distakk bejn iż-żewġ timijiet qatt ma niżel anqas minn erba’ gowls ħlief lejn it-tmiem. Fit-tielet sessjoni, Otters tilfu lil Luigi Dimech filwaqt li fil-bidu tal-aħħar sessjoni kellhom jilagħbu mingħajr Gogov li tkeċċa b’sostituzzjoni fost protesti lejn il-kontroll tar-referee Taljan Antonio Guarracino. Fl-aħħar tliet minuti tal-logħba, Otters skorjaw erba’ darbiet biex għamlu r-riżultat ftit rispettabbli.

Marsaxlokk: J. Micallef, M. Lanzon (2), N. Bogdanovic (7), A. Aquilina, R. Spiteri, L. Montebello Brownrigg, S. Mifsud (4), J. Pawley (1), R. Galea (1), J. Borg Tabone (1), A. Fava (2), A. Cook (1), M. Brimmer, B. Lewis

Otters: M. Xerri, M. Bonnici, A. Dimech (1), K. Micallef (1), M. Meli (1), M. Soler, D. Gogov (4), C.J. Saliba, L. Dimech (5), V. Figliomeni, M. Farrugia (1), P. Tabone (4), Z. Dzanovic, S. Cutajar

Referees: Ronnie Spiteri, Antonio Guarracino

Klassifika tal-Kampjonat Premier wara l-ewwel ġurnata

Sliema 3 punti, Neptunes 3 punti, San Ġiljan 3 punti, Exiles 0 punti, Valletta 0 punti, Sirens 0 punti

   

Klassifika tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni wara l-ewwel ġurnata

Marsaxlokk 3 punti, Marsaskala 3 punti, Ta’ Xbiex 3 punti, Otters 0 punti, Barracudas 0 punti, Birżebbuġa 0 punti

Logħob li jmiss

Il-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju

L-Ewwel Diviżjoni: Barracudas v Marsaxlokk 6.00pm, Otters v Birżebbuġa 7.15pm

Kampjonat Premier: Valletta v San Ġiljan 8.30pm

Is-Sibt 28 ta’ Ġunju

L-Ewwel Diviżjoni: Marsaskala v Ta’ Xbiex 5.30pm

Kampjonat Premier: Sirens v Neptunes 6.45pm, Exiles v Sliema 8.00pm