mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’
Matul dawn l-aħħar jiem rajna eskalazzjoni serja bejn l-Istati Uniti u l-Iran. L-Amerikani fetħu l-attakk b’mod dirett fuq siti nukleari Iranjani f’Natanz u Fordow, f’operazzjoni militari msejħa ‘Midnight Hammer’.
B’reazzjoni għal dan, l-Iran hedded li jagħlaq il-kanal strateġiku għat-traffiku taż-żejt globali (Hormuz) – u sparaw missili lejn bażi Amerikana fil-Qatar u lejn Iżrael. Għalkemm l-Istati Uniti ddikjarat li l-għan mhuwiex biex iġib bidla fir-reġim, iżda l-eliminazzjoni tat-theddid nukleari, il-kunflitt kompla jikkomplika r-relazzjonijiet reġjonali. L-Unjoni Ewropea, ir-Russja u ċ-Ċina qed jappellaw għad-diplomazija.
Ir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran
Fl-aħħar snin, ir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran kompliet tmur għall-agħar, b’sensiela ta’ tensjonijiet politiċi, militari u ekonomiċi li spiss ikkawżaw ċertu tħassib fuq skala globali. Għalkemm dan il-kunflitt jidher li hu primarjament bejn żewġ pajjiżi fuq naħat opposti tal-globu, l-effetti tiegħu jinħassu wkoll fl-Ewropa – inkluż f’pajjiżi żgħar bħal tagħna. Jiġifieri, minkejja li dan il-kunflitt jinsab fil-bogħod, hu daqstant ieħor fil-viċin.
F’dan l-artiklu, irrid inġib ftit argumenti għaliex il-ġlied bejn l-Amerika u l-Iran għandu jkun ta’ interess u ta’ tħassib anke għalina l-Ewropej, anki jekk l-Ewropa ma tidhirx direttament involuta bħalma diġà fissirt.
Wieħed mill-aktar impatti negattivi u li huma viżibbli sewwa fil-Lvant Nofsani huwa dak li jaffettwa l-prezzijiet taż-żejt u tal-enerġija. L-Iran huwa wieħed mill-produtturi ewlenin taż-żejt fid-dinja, u ħafna mir-rotot kummerċjali tal-enerġija jgħaddu minn zoni sensittivi bħall-Kanal ta’ Hormuz. Dan jista’ faċilment jiġi affettwat minn dan il-kunflitt militari. B’riskju bħal dan, li fih tista’ tiġi affettwata r-rotta taż-żejt, ikun dejjem mistenni li l-prezzijiet globali jeskalaw, aspett li jirrifletti direttament l-ekonomija tal-familji u n-negozji Ewropej, inkluż dawk Maltin. Pajjiżi bħall-Ġermanja, bħal Franza u bħall-Italja huma dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni tal-enerġija, u għalhekk kwalunkwe żieda fil-prezzijiet tirriżulta f’kontijiet ogħla, speċjalment fix-xhur xitwin.
Il-Lvant Nofsani ilu snin ibati minn kunflitti li wasslu għal ċaqliq massiv fil-popolazzjoni Ewropea. Jekk il-kunflitt bejn l-Amerika u l-Iran ikompli jeskala, dan ċertament jista’ jikkawża aktar instabbiltà fir-reġjun kollu – inklużi pajjiżi bħall-Iraq, bħas-Sirja u bħal-Libanu – fejn l-Iran għandu influwenza militari u politika. Dan jista’ jfisser żieda inkwetanti ta’ refuġjati lejn pajjiżi Ewropej li diġà qed ibatu biex ilaħħqu magħha. Il-pressjoni fuq is-servizzi soċjali, fuq is-sistemi ta’ ażil u fuq is-sitwazzjoni politika domestika sejra tkun affettwata u saħansitra anke taf tkun milquta minn instabbiltà ġdida.
Periklu serju
Għalkemm bħalissa l-ġlied huwa fil-livell ta’ sanzjonijiet, attakki indiretti u theddid, inħoss li hemm dejjem aktar il-periklu li dan jiżviluppa f’kunflitt militari aktar wiesa’ b’effetti aktar serji. L-Istati Uniti għandha l-alleati tagħha fl-Ewropa permezz tan-NATO, u f’każ ta’ konfront serju, xi pajjiżi Ewropej jistgħu jappoġġjawha jew jieħdu pożizzjoni f’xi forma jew oħra.
Dan joħloq sitwazzjonijiet delikati għall-pajjiżi Ewropej li spiss jippruvaw iżommu pożizzjoni diplomatika jew newtrali, iżda jistgħu jkunu msejħa juru l-appoġġ jew is-solidarjetà ma’ naħa jew oħra. Barra minn hekk, l-attakki fuq l-interessi Amerikani jew Iranjani f’pajjiżi Ewropej jistgħu jwasslu għal riskji ta’ sigurtà anke fit-territorju Ewropew, anke jekk dan huwa improbabbli f’dan il-mument.
L-Unjoni Ewropea qiegħda żżomm il-pożizzjoni tagħha f’din is-sitwazzjoni kollha: filwaqt li hija alleata tal-Istati Uniti, kienet involuta fil-ftehim nukleari tal-2015 mal-Iran – li l-Istati Uniti irtirat minnu taħt l-amministrazzjoni preċedenti ta’ Trump.
L-Ewropa għadha qiegħda tħeġġeġ għal soluzzjoni diplomatika, iżda ssib ruħha dejjem aktar taħt pressjoni biex tissieħeb fis-sanzjonijiet kontra l-Iran. Mela, dan ipoġġi lill-pajjiżi Ewropej f’sitwazzjoni diffiċli għaliex huma mistennija jżommu r-relazzjonijiet kummerċjali u strateġiċi stabbli kemm mal-Istati Uniti kif ukoll mal-Iran, mingħajr ma jiddgħajfu d-dipendenza fuq ir-riżorsi jew jirriskjaw eskalazzjoni diplomatika li taffettwahom direttament.
L-importanza tal-Ewropa
F’dan kollu, l-Ewropa għandha importanza assoluta. It-tensjoni bejn l-Amerika u l-Iran tista’ wkoll titqies bħala sinjal li l-Ewropa għandha tissaħħaħ fir-rwol tagħha biex tkun medjatur globali. Għal ħafna żmien, l-Ewropa ħaddnet politika reattiva iżda f’kunflitti bħal dawn, l-Ewropa trid tkun parteċipi aktar biex ikunu evitati l-esklazzjonijiet li ma jagħmlu ġid lil ħadd.
Għalhekk jidhirli li din il-pressjoni mhux biss tikkonċerna lill-pajjiżi involuti stess, imma anke lilna l-Ewropej, kemm f’termini ekonomiċi, ta’ sigurtà u ta’ stabbiltà soċjali.
Minkejja li dan li qiegħed iseħħ bejn l-Amerika u l-Iran jidher imbiegħed mill-Ewropa, il-konsegwenzi tiegħu huma reali u qrib ħafna bħalma spjegajt. Ix-xejra ta’ din is-sħaba sewda fuq id-dinja tista’ tifforma storja globali ġdida mhux biss għar-reġjun tal-Lvant Nofsani, imma wkoll għall-futur tal-politika Ewropea. Għaldaqstant, hu importanti li l-Ewropa tibqa’ attenta, responsabbli u diplomatikament attiva.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 25 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>