Lokali

Suċċess għall-Wirja Agrarja u ta’ Artiġjanat 2025 fin-Nadur

Il-Kunsill Lokali tan-Nadur ħabbar it-tmiem b’suċċess tal-edizzjoni 2025 tal-Wirja Agrarja u tal-Artiġjanat, li saret fi tmien il-ġimgħa li għaddiet, fiċ-ċentru tan-Nadur.

Din l-attivitaà laqqgħat flimkien il-komunità li wriet l-aqwa wirt agrikolu, artiġjanat u tradizzjonijiet kulturali li toffri Għawdex.

Din il-wirja setgħet issir grazzi għall-appoġġ ġeneruż tas-sponsors ewlenin: il-Kunsill Lokali tan-Nadur, il-Kunsill Reġjonali Għawdex, id-Direttorat tal-Wirt Kulturali – Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, u Grech’s Bakery. L-impenn tagħhom biex jippromwovu l-kultura u t-tradizzjoni lokali kien kruċjali għas-suċċess ta’ dan avveniment.

L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet mimlija attrazzjonijiet varji, fosthom bejjiegħa ta’ prodotti agrikoli lokali, oġġetti artiġjanali magħmula bl-idejn, ikel tradizzjonali Malti, dimostrazzjonijiet ħajjin ta’ artiġjanat, spettaklu kulturali u wirjiet li jenfasizzaw il-wirt u l-istorja lokali. Dawn l-elementi kollha taw lill-viżitaturi opportunità unika biex jesperjenzaw il-ġmiel tal-ħajja rurali u artistika tan-Nadur.

Waħda mill-aqwa mumenti tal-ġimgħa kienet il-kisba notevoli ta’ Grech’s Bakery, li stabbilixxiet rekord nazzjonali billi ħejjew l-akbar ftira li qatt saret f’Malta. Dan il-mument attira folol kbar u fakkar fit-tradizzjoni qawwija tal-ħobż Malti.

Il-Kunsill Lokali tan-Nadur jirringrazzja minn qalbu lill-voluntiera u l-parteċipanti kollha li bl-entużjażmu u d-dedikazzjoni tagħhom għamlu dan l-avveniment possibbli. L-impenn tagħhom jibqa’ s-sinsla tas-suċċess kontinwu tal-wirja.