Futbol Sport

Cristiano Ronaldo jġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Al-Nassr

Cristiano Ronaldo
Cristiano Ronaldo

Cristiano Ronaldo ffirma kuntratt ġdid li se jkun qed jorbtu għal sentejn oħra mal-klabb tal-Pro League tal- l-Arabja Sawdija, Al-Nassr. B’hekk l-estensjoni tal-kuntratt li ffirma l-captain tat-tim nazzjonali Portugiz, se jkun qed jara lil Ronaldo jibqa’ ma’ dan il-klabb sa wara li jkun għalaq 42 sena.

Ronaldo kien issieħeb ma’ Al-Nassr, f’Diċembru tal-2022, wara li telaq lil Manchester United f’ċirkostanzi ħżiena, fl-isfond ta’ tilwima li kellu mal-eks kowċ tar-Red Devils, Erik ten Hagg.

Il-kuntratt ta’ Ronaldo ma’ Al-Nassr kien jiskadi dan ix-xahar, u wara li kien hemm diversi spekulazzjonijiet dwar il-futur tal-Portugiz, illum il-plejer ta’ 40 sena f’post fuq il-pjattaforma X, Ronaldo kiteb “Kapitlu ġdid jibda. L-istess passjoni, l-istess ħolma. Ejjew nagħmlu l-istorja flimkien.”

Cristiano Ronaldo
Cristiano Ronaldo

Kemm ilu ma’ Al-Nassr, Ronaldo skorja 35 darba f’41 partita fil-kompetizzjonijiet kollha s-sena l-oħra u kien l-aqwa skorer tal-kampjonat għat-tieni staġun konsekuttiv.

Ronaldo skorja 99 gowl f’111-il dehra ma’ Al-Nassr u jinsab fi triqtu biex jilħaq 1,000 gowl tal-karriera tiegħu, b’total attwali ta’ 938 kemm għall-klabbs kollha li lagħab magħhom tul il-karriera tiegħu, kif ukoll għat-tim nazzjonali tal-Portugall.