Kunsilli Lokali Lokali

Diġà tressqu aktar minn 30 mozzjoni minn kunsillieri tal-PN biex isiru studji ta’ Carrying-Capacity fil-lokalitajiet

Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex bħalissa qed iressqu Mozzjonijiet fil-kunsill lokali rispettiv tagħhom biex isir Carrying-Capacity Study ħalli jkunu stabbiliti l-ħtiġijiet ta’ kull belt u raħal f’dak li għandu x’jaqsam mal-investiment infrastrutturali meħtieġ abbażi tal-bżonnijiet reali tar-residenti.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’waħda minn dawn il-lokalitajiet, kien spjegat kif dawn l-istudji għandhom jindirizzaw mhux biss il-ħtiġijiet infrastrutturali tal-lokalitajiet, imma wkoll problemi komuni li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini madwar Malta u Għawdex fil-postijiet fejn joqogħdu, bħalma huma l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq, il-problema tal-iskart u l-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi.

Fid-dawl tar-realtà ta’ popolazzjoni dejjem tiżdied bla ebda pjan fil-lokalitajiet, u fin-nuqqas tal-Gvern li jindirizza s-sitwazzjoni, kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li permezz tal-kunsillieri tiegħu jieħu azzjoni. B’dawn l-istudji jkun stabbilit kull lokalità kemm tiflaħ nies, żvilupp u attività b’mod li ma ssirx ħsara fit-tul lill-ambjent, l-infrastruttura u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħha. 

F’dawn il-ġimgħat – minn meta l-PN ħabbar li se jagħti bidu għal dan il-proċess kif kien wiegħed fil-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’Ġunju 2024 – tressqu jew qed jitressqu diġà aktar minn 30 Mozzjoni f’kunsilli lokali differenti, sew fejn il-PN għandu maġġoranza u sew fejn ma għandux. Minn dawn, 16 ġew diskussi u filwaqt li f’disa’ kunsilli lokali l-Mozzjonijiet ġew approvati, fis-sebgħa l-oħra ma għaddewx bil-vot kontra tal-maġġoranza Laburista. Madanakollu, kien hemm ukoll kunsilli fejn il-kunsillieri Laburisti vvutaw favur, bħalma ġara fis-Swieqi fejn il-Mozzjoni għaddiet b’vot unanimu.

Fil-fatt, is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat u l-kunsillieri tal-PN, akkumpanjati mid-Direttur tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista Emvin Bartolo u mill-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) Liam Sciberras, spjegaw kif il-Kunsill Lokali tas-Swieqi ilu sa mill-bidu tal-2016 jwissi u jirrapporta b’mod konsistenti problemi li qegħdin dejjem jikbru fil-lokalità li jistgħu jiġu indirizzati bi studju ta’ Carrying-Capacity.

Dawn jinkludu problemi relatati mal-iskart, l-istorbju tard billejl u atti ta’ vandaliżmu. Biż-żibel dejjem jiżdied minħabba nuqqas ta’ ġbir tal-iskart, vetturi privati u proprjetà jispiċċaw fil-mira ta’ atti vandali, u l-livelli ta’ storbju dejjem jiżdiedu sew matul il-ġurnata u anke billejl, ir-residenti ta’ din il-komunità qed jitolbu miżuri konkreti mill-awtoritajiet biex fis-Swieqi terġa’ tirrenja atmosfera ta’ sigurtà, indafa u kwiet fit-toroq tal-lokal.

Fl-istess waqt, l-isplużjoni fl-ammont ta’ kirjiet short-let qiegħda bil-mod il-mod tnaqqar mill-karattru residenzjali tas-Swieqi. F’dan ir-rigward, il-Kunsill Lokali tas-Swieqi qed jipproponi li jiddaħħal limitu regolatorju ċar: jekk is-sodod mikrija għal żmien qasir jaqbżu l-25% tas-sodod kollha disponibbli fil-lokalità, fis-Swieqi japplikaw awtomatikament restrizzjonijiet fuq l-użu tal-art li jippreservaw in-natura residenzjali tal-lokalità.

Biex tkun imfassla t-triq ‘il quddiem, il-Kunsill qed iħeġġeġ lill-Gvern Ċentrali biex jikkummissjona studju ta’ Carrying-Capacity li jeżamina:

1.       X’għandu jkun il-bilanċ ideali bejn in-numru ta’ residenti permanenti u turisti

2.       Id-domanda għall-aċċessibbiltà ġġenerata kemm mir-residenti u anke mit-turisti f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport pubbliku, is-sigurtà pedonali u l-immaniġġjar tat-traffiku

3.       L-użu ta’ spazji miftuħa li jeżistu diġà fid-dawl tal-varjazzjonijiet fil-popolazzjoni tal-lokalità

4.       L-ispazji meħtieġa għall-parkeġġ taħt xenarji differenti bejn residenti u viżitaturi

5.       Ir-reżiljenza tal-infrastruttura: id-drenaġġ, il-ġbir tal-iskart, il-provvista tal-elettriku f’mumenti ta’ okkupazzjoni massima

6.       Il-ħolqien ta’ spazji pubbliċi u spazji ħodor ġodda, kif ukoll ta’ pjazza fil-lokalità li tgħin fil-benesseri tal-komunità

7.       Strateġiji biex tiġi mħarsa l-identità unika tas-Swieqi permezz tal-kultura u l-arti, biex fuq livell reġjonali l-lokalità tkun iktar minn sempliċement post fejn wieħed joqgħod

Mozzjoni li titlob dan l-istudju ġiet ippreżentata u approvata unanimament mill-Kunsill Lokali fid-16 ta’ Ġunju, u ntbagħtet lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici, lis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u lid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali l-għada.

Barra minn hekk, il-Kunsill Lokali tas-Swieqi ilu sa minn meta ġie elett f’Ġunju tas-sena l-oħra jikkomunika mal-Awtorità tal-Ippjanar biex isir dan l-istudju, iżda tliet talbiet li saru f’dan ir-rigward ġew injorati.

Il-qagħda tal-komunità fis-Swieqi tinsab f’punt kritiku. Jekk ma titteħidx azzjoni urġenti fuq l-immaniġġjar tal-iskart, biex jiġi indirizzat l-istorbju matul il-lejl u biex ikun hemm regolamentazzjoni tal-kirjiet fuq bażi short-let li qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla, is-Swieqi qed jirriskja li jitlef il-karattru veru tiegħu ta’ post sigur, nadif u b’komunità magħquda kburija li ssejjaħ is-Swieqi d-dar tagħha.

Għaldaqstant ir-residenti qed jitolbu li jsir kemm jista’ jkun malajr studju ta’ carrying-capacity li jassigura l-futur tas-Swieqi bħala ċentru residenzjali u kulturali. Dawn huma t-talbiet ewlenin:

·     Infurzar aktar b’saħħtu tal-iskedi ta’ ġbir tal-iskart

·     Infurzar aktar effettiv tal-kontroll tal-istorbju b’pieni progressivi għal min jerġa’ jwettaq offiżi

·     Limitu ta’ 25% fuq in-numru ta’ sodod mikrija fuq bażi short-let, b’infurzar permezz ta’ audits regolari u reviżjonijiet ta’ liċenzji

·     Studju dwar il-carrying-capacity iffinanzjat b’mod sħiħ mill-gvern, b’konsultazzjoni pubblika f’kull fażi u pubblikazzjoni trasparenti tar-riżultati

·     Allokazzjoni ta’ fondi għal spazji ħodor ġodda għall-pubbliku, disinji ta’ pjazez b’zoni pedonali u programm ta’ attivitajiet kulturali u artistiċi.

Il-Kunsill Lokali ta’ Swieqi jinsab lest li jikkollabora mal-awtoritajiet tal-gvern, l-imsieħba fl-industrija tat-turiżmu u n-negozji lokali biex jiżgura li s-Swieqi jkompli jservi sew bħala destinazzjoni li tilqa’ lill-barranin imma wkoll bħala zona residenzjali għal min jgħix fil-lokalità.