It-tlugħ tal-poloz għall-istaġun il-ġdid tal-Malta Premier se jkunu magħrufa nhar it-Tnejn li ġej, iżda sa dakinhar teżisti possibbiltá li l-entitá li mill-2024/25 bdiet torganizza l-Kampjonat lokali, bl-għajnuna tal-MFA, tkun għadha mingħajr sponsor uffiċjali.
Net News jista’ jikkonferma li l-kumpanija b’sidien mill-Ażerbajġan, u li sal-lum ħadd għadu ma fehem eżatt x’inhu l-operat kummerċjali tagħha, 360Sports, mhux se terġa’ tkun l-isponsor uffiċjali tal-Malta Premier, però, kelliem għall-Malta Premier Limited qal lil dan is-sit, li din l-istess kumpanija wriet ix-xewqa li tibqa’ wieħed mill-isponsors tal-Kampjonat.
360 Sports kienu l-isponsors uffiċjali tal-Malta Premier, iżda hu fatt li l-branding kummerċjali tagħhom sa mill-bidu tal-istaġun, sal-aħħar tal-istaġun, rari jew qatt ma evolva. Meta l-kumpanija tħabbret bħala sponsor uffiċjali tal-Malta Premier, 360Sports bdew jirreklamaw lilhom infushom bħala ‘Coming Soon’ u suppost dawn kellhom jibdew joperaw bil-ħidma kummerċjali tagħhom, anke jekk ħadd ma jaf jispjega eżatt x’tip ta’ ħidma kienet se tkun, fi ftit xhur mill-bidu tal-istaġun li għadda. Minn dan kollu ma ġara xejn, inkluż it-twaqqif tal-famuża ‘super app’, li kienet ħolma u għadha ħolma li ħadd ma ra titwettaq.
Bl-istess mod il-websajt 360sports.mt teżisti, iżda l-aħħar storja aġġornata tagħha tmur lura għal sena ilu, tant li sal-aħħar tal-istaġun, il-branding ta’ din il-kumpanija li qatt ma konna smajnha biha qabel, baqa’ l-istess u kienu għadhom ‘Coming Soon’. Disa’ xhur sħaħ ta’ futbol bi sponsor li nefaq il-flus biex ikun sponsor tal-Malta Premier, sempliċiment biex baqa’ jirreklama ‘Coming Soon’ u bi sforzi minimi fil-branding tiegħu.
Fil-jiem li għaddew, il-klabbs tal-Malta Premier ġew mogħtija l-assigurazzjoni mit-tmexxija ta’ din l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-klabbs fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, li l-obbligi finanzjarji li kellha tħallas fl-ewwel sena 360 Sports sabiex tkun l-isponsor ewlieni tal-Kampjonat, ġew onorati kollha. Hu mifhum li kull klabb tal-Malta Premier, mid-dħul tal-isponsors kollha ġodda li ħadmet fuqhom biex tattira lejn il-Kampjonat li mill-istaġun li għadda kellu format ġdid, kien jammonta għal €20,000. Dan l-ammont ma jinkludix l-ammont finanzjarju li l-istess klabbs se jkunu qed idaħħlu mill-iskema tal-UEFA tas-Solidarjetá li minn dan l-istaġun żdiedu b’mod sostanzjali.
Uffiċjali għolja ta’ klabbs mill-Malta Premier, u li tkelmu magħna b’mod kunfidenzjali, filwaqt li rrikonoxxew l-isforzi li qed tipprova tagħmel l-MPL biex ittejjeb il-promozzjoni tal-Kampjonat, dan l-isforz irid jiżdied bil-kbir biex jiżdied id-dħul għal kull staġun la darba sal-lum l-MPL qed tistrieħ fuq l-appoġġ finanzjarju li qed tagħmel tajjeb l-MFA, u li jkopri spiża tajba li għalissa mhux qed titħallas mill-MPL però eventwalment dan se jibda jitħallas. Dan għaliex hemm ftehim bejn l-MFA u l-MPL li l-ammont finanzjajru li l-assoċjazzjoni tagħti lil din l-entitá fl-organizzazzjoni tal-Kampjonat, jonqos kull sena sakemm l-MPL tkun sabet saqajha kummerċjalment.
Intant Net News jista’ jikkonferma li l-MPL għadha qed tipprova tilħaq qbil amikevoli ma’ 360 Sport. Fl-istess waqt, l-MPL qed taħdem biex tassigura li l-istaġun fl-2025/26, il-Kampjonat ikollu sponsor uffiċjali ġdid, bi dħul finazjarju akbar, u li minnu jgawdu l-klabbs.
Oriġinarjament, 360 Sports kellha tkun l-isponsor tal-Malta Premier għal tliet snin, però wara li għaddiet l-ewwel sena mill-bidu tat-tħabbirha ta’ dan l-isponsor, u ‘Coming Soon’ bdejna f’Awwissu u ‘Coming Soon’ għadna sena wara, bir-raġun li bosta klabbs li tkellmu magħna, issa bdew juru t-tħassib tagħhom dwar is-sostennibbilitá finanzjarja ta’ din il-kumpanija ‘misterjuża’. Għaldaqstant jidher li f’dan l-istadju l-MPL mhux se tibqa’ tieħu aktar riskji, u mistennija jkollha bidla fl-isem tal-isponsor il-ġdid tal-Kampjonat fl-istaġun il-ġdid.
//= $special ?>