Futbol Sport

FILMAT | Insiru nafu min huma t-tliet uċuħ ġodda għall-futbol Malti li ffirmaw ma’ Valletta FC

Emmanuel Mbende
Emmanuel Mbende

Valletta Football Club reġgħu ssoprendew lil kulħadd, bl-akkwist ta’ plejer barranin, li hu wiċċ ġdid għal kollox għall-futbol Malti, u li jġorr miegħu CV mil-aktar interessanti.

Fl-aħħar jiem, Valletta, li kienu qed iżommu l-karti kollha wiċċhom l-isfel tal-ismijiet tal-akkwisti l-ġodda, ħabbru l-ewwel ismijiet ta’ plejers fosthom żewġ plejers ta’ nazzjonalitá barranija li qatt ma lagħbu f’Malta.

Wara li ħabbru l-isem tal-gowlkiper Brażiljan Adilson Maringá u tad-difensur li jilgħab fuq il-lemin, Shaft Brewer Junior, ta’ nazzjonalitá Amerikana, illum it-tim neo promoss għall-Malta Premier ħabbru dak li possibilment jista’ jkun l-aktar isem ta’ attrazzjoni; Emmanuel Mbende, difensur ċentrali mil- Kamerun, b’esperjenza kbira u interessanti f’diversi Kamjonati domestiċi fl-Ewropa u ma’ diversi klabbs ta’ isem.

Servizz maħdum mit-tim tal-produzzjoni ta’ Replay, bl-aħjar mumenti minn partiti u staġuni preċidenti ta’ Emmanuel Mbende mal-klabbs predċidenti li lagħab magħhom sal-lum.

Mbende kien qed jilgħab l-aħħar fil-Prva Makedonska Fudbalsk Liga, l-ogħla livell ta’ futbol fil-Maċedonja ma’ Gostivar. Qabel din l-esperjenza fix-Xlokk tal-Ewropa, Mbende kien qed jilgħab fis-Serie C Taljana ma’ Catania.

Mbende kellu ukoll esperjenza fit-tul tal-futbol Ġermaniż ma’ Chemnitzer FC u SC Cambuur, fid-diviżjonijiet inferjuri Ġermaniżi.

Iżda fost l-akbar klabbs li lagħab magħhom Mbende wieħed issib lil Borrusia Dortmund u Birmingham City, tal-Ġermanja u l-Ingilterra rispettivament.

Mbende għandu 29 sena u mistenni jieħu post ta’ difensur ċentrali ieħor, l-Arġentin, Enzo Ruiz li ta’ 36 sena ħabbar li mhux se jibqa’ aktar plejer ta’ Valletta.

Intant, il-bieraħ Valletta ħabbru ukoll ir-ritorn f’Malta tal-internazzjonali Malti, Yannick Yankam. Dan tal-aħħar kien ħalla Malta f’Jannar tal-2024 sabiex minn ma’ Birkirkara kien issieħb lil Lexington Sporting Club, fil-USL League One tal-Istati Uniti.

Żewġ plejers oħra barranin ġodda għall-futbol Malti, jitħabbru bħala akkwisti ġodda minn Valletta

Valletta se jkollhom gowlkiper Brażiljan ta’ 34 sena bejn il-lasti tagħhom fl-istaġun il-ġdid tal-Malta Premier. Adilson Maringá hu l-isem magħżul mit-tim tekniku ta’ Valletta biex ikun dak li se jkun qed jiddefendi l-lasti tim tat-tim mar-ritorn tagħhom fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.

Adilson Maringá lagħab għal aktar minn mitt partita fl-ogħla diviżjoni tal-Indoneżja u ftit tas-snin ilu għadda minn esperjenza kerha meta tilef it-tfajla tiegħu wara li din baqgħet ma rkupratx minn operazzjoni.

Fl-aħħar staġuni li kien qed jilgħab fl-Indoneżja, kemm ma’ Arema FC kif ukoll ma’ Bali United.

Interessanti l-fatt li f’dawn l-aħħar snin, fl-esperjenzi varji li Adilson Maringá kellu fl-Asja, hu lagħab ‘il fuq minn 30 partita ma’ Jefferson, l-eks plejer ta’ Sliema Wanderers u Gżira United rispettivament.

Adilson Maringá, 34 sena, se jkun qed jiddefendi l-lasti ta’ Valletta fl-istaġun 2025/26.

It-tieni isem ta’ plejer barrani li din il-ġimgħa ħabbru Valletta, hu li hu wiċċ ġdid għall-futbol Malti hu dak tal-eks plejer internazzjonali tal-Istati Uniti fil-livell ta’ taħt it-18 u l-20 sena, Shaft Brewer Jr.


Għalkemm diġa’ issemmew numru ta’ plejers oħra f’sezzjoni tal-media, għal xi raġuni Valletta għadhom ma kkonfermaw ebda minn dawn l-akkwisti, anke jekk jidher li dak li intqal fil-media, hu minhu.

Il-bieraħ, Valletta ħabbru l-isem tal-gowlkiper ta’ 34 sena mill-Brail, Adilson Maringá li bħala stat ta’ fatt hu l-ewwel akkwist uffiċjali ta’ Valletta, għaliex dan kien l-ewwel isem li l-klabb ħabbar l-ewwel, bit-tieni wieħed issa sar id-difensur ta’ fuq il-lemin, Shaft Brewer Jr. li għad għandu 25 sena u li għandu ukoll passaport Ingliż.

Brewer Jr. għandu esperjenza ta’ partiti li lagħab fil-passat fil-Major League Soccer tal-Istati Uniti, kellu ukoll esperjenza qasira fl-Ewropa mat-tim ta’ taħt is-19-il sena, ta’ RB Leipzig tal-Ġermanja u IF Fram, klabb fid-diviżjonijiet inferjuri tan-Norveġja.

Brewer Jr. hu plejer b’CV interessanti, b’attributi ta’ difensur b’saħħtu li mistenni jżid il-valur miżjud ta’ Valletta f’dan id-dipartiment difensiv. Hu kien qed jilgħab l-aħħar ma’ Las Vegas Lights FC, fil-USL Championship, li hu t-tieni livell ta’ futbiol fil-piramida tal-Istati Uniti.

Għall-eks plejer fil-livell tal-Youths tal-Istati Uniti, Shaft Brewer Jr. l-esperjenza ġdida tiegħu ma’ Valletta se tkun l-ewwel waħda tiegħu f’pajjiżna.