Nuqqasijiet fil-kwalità ta’ prodotti relatati mal-mediċini jirriżultaw f’diversi kumplikazzjonijiet
Il-Partit Nazzjonalista hu mħasseb serjament bis-skiet u n-nuqqas ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet fuq il-każ tal-mediċina Folidi.
Għaddew il-ġimgħat mill-ewwel każi ta’ effetti ħżiena ta’ din il-mediċina fuq nisa tqal, fost l-oħrajn u l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva; il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u l-Food Safety Commission – li lkoll għandhom responsabbiltà dwar mediċini li jidħlu f’pajjiżna – għadhom ma lissnu l-ebda kelma dwar dan.
Mill-informazzjoni li ħarġet minn sorsi mhux uffiċjali jidher li xi persuni ġew mogħtija livelli għolja u inaċċettabbli ta’ Vitamina D minn supplimenti mhux ta’ kwalità li jinsabu fis-suq Malti.
Sfortunatament minħabba nuqqas ta’ kontrolli serji, numru kbir ta’ nisa, inkluż nisa tqal, ħadu dożi aktar għoljin milli hu rrakkomandat ta’ Vitamina D minn prodotti fis-suq lokali li ma kinux ta’ kwalità. Dawn is-supplimenti kellhom 200 darba aktar mid-doża miktuba fuq il-kaxxa.
Il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li juri solidarjetà sħiħa ma’ kull min bata konsegwenzi minn din is-sitwazzjoni, qed jitlob investigazzjoni immedjata u indipendenti biex jiġi ċċarat dak li seħħ u biex ikun żgurat li dan ma jerġax jiġri. Qed jitlob ukoll li jkunu magħrufa l-effetti li ħalliet din is-sitwazzjoni fuq min uża dawn il-prodotti – kemm l-effeti short-term kif ukoll dawk fit-tul. Fuq kollox jitlob serjetà ferm akbar minn dik li ntweriet f’dan il-każ mill-Gvern u l-awtoritajiet konċernati.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li dejjem kien favur innovazzjoni u investiment fil-kwalità u tiġdid tal-mediċini u prodotti relatati iżda jidher ċar li għal dan il-Gvern il-kwalità mhix importanti. Dan joħroġ ukoll mill-fatt li Malta tinsab ’l isfel fil-lista meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra Ewropej fejn jidħol l-investiment f’mediċini ġodda.
Il-Partit Nazzjonalista jrid jassigura li kull min hu responsabbli mill-importazzjoni u mill-kwalità u l-kontroll ta’ mediċini u prodotti relatati jkun serju u metikoluż f’xogħlu, u jekk u fejn kien hemm nuqqasijiet, dawn għandhom jiġu identifikati u indirizzati immedjatament.
Is-saħħa tan-nies mhijiex logħba.
//= $special ?>